Bħal kull sena, l-għada tal-Milied issir l-Istrina b’risq il-Malta Community Chest Fund, din is-sena bit-tema Flimkien b’Solidarjetà. Maratona ta’ 12-il siegħa fejn il-poplu Malti u Għawdxi jkun mistieden jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu – Din is-sena f’nofs pandemija, Istrina għal kollox differenti mis-soltu.
Waqt din l-attivita’, il-President ta’ Malta George Vella appella għall-ġenerożita tal-poplu Malti u Għawdxi. Hu qal li minkejja li ma għamilx tbassir ta’ kemm se jkunu qed jinġabru flus din is-sena, anke għaliex hija waħdra straordinarja appella biex il-poplu Malti jkun ġeneruż.

Il-President, flimkien mal-mara tiegħu, qattgħu l-ġurnata jirrispondu t-telephone fuq il-pledge line filwaqt li diversi persuni oħra kienu qed iwieġbu t-telephones li ma waqfux iċemplu. Fost dawk li kienu qed jirċievu d-donazzjonijiet kien hemm tfal li kellhom bżonn l-għajnuna tal-Istrina matul is-snin u li ħafna minnhom fiequ grazzi għall-kura li rċivew.

Fl-ewwel intervent tiegħu waqt ix-xandira diretta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech appella flimkien nagħmlu lil Malta aħjar biex kulħadd jgħix ħajja dinjituża. “Ejja naħsbu f’xulxin u ma nħallu lil ħadd waħdu – Ejja llkoll flimkien nagħmlu lil dan il-pajjiż aħjar biex kulħadd jgħix ħajja dinjituża.”
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-wasla tal-vaċċin tal-COVID-19 f’pajjiżna fejn saħaq li dan hu mument importanti iżda fakkar li hemm mard ieħor li jirrikjedi ħafna flus u mediċina. Bernard Grechqal li sfortunatament hemm nies li minkejja l-vaċċin qed ibgħatu xorta u appella biex naħsbu fihom u nagħmlu l-parti tagħna biex ngħinuhom jgħixu ħajjithom.
Akkumpanjat mill-mara tiegħu AnneMarie, Il-Kap tal-PN reġa wassall l-appel tiegħu aktar tard waqt l-istess xandira. Hu appella għall-għaqda nazzjonali biex ngħinu lil dawk li huma fil-bżonn biex intuhom il-possibiltà li jkomplu jgħixu l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Filwaqt li kompla jħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikompli jċempel, Bernard Grech saħaq li l-Istrina hi speċjali għax tgħin lil min hu bżonn fil-ħin opportun.
Wasslet il-messaġġ tagħha wkoll AnneMarie Grech fejn saħqet li din hija festa kbira u sabiħa ta’ tama, kuraġġ, solidarjetà u mħabba. Hi ħeġġet lil kulħadd biex jagħti d-donazzjoni tiegħu biex ngħinu lil min hu iktar fi bżonn speċjalment f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija.

Tul din il-maratona, il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista David Agius u Robert Arrigo flimkien mas-Segretarju Parlamentari Francis Zammit Dimech, preżentaw donazzjoni ta’ €1,000 f’isem il-PN qabel ma ħadu numru ta’ telefonati minn għand dawk li ċemplu biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom.



Tul l-Istrina, wasslu l-messaġġ tagħhom l-għola awtoritajiet tal-pajjiż fosthom l-Arċisqof Charles J Scicluna li saħaq li kull donazzjoni hija sinjal konkret li aħna lkoll ngħożżu lil xulxin.
Filwaqt li l-edizzjoni ta’ din is-sena hija l-25 waħda, is-sena li għaddiet mill-attivitajiet kollha tal-Istrina, inġabru ‘l fuq minn sitt miljun ewro.
