Is-Segretarju tal-Kabinett Britanniku, Michael Gove, qal li r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea se jkunu jistgħu jgawdu ‘relazzjoni speċjali’ b’riżultat tal-ftehim kummerċjali għal wara Brexit li ntlaħaq proprju f’Lejliet il-Milied.
Michael Gove, permezz ta’ artiklu fit-Times ta’ Londra, awgura wkoll li l-ftehim storiku jgħin biex ibiegħed il-politika ‘mill-antagoniżmu’ li rriżulta bejn il-gruppi tan-nies u l-politiċi bil-fehmiet diversi, wara r-referendum tal-2016 fejn il-Britanniċi vvutaw li jinħallu mill-kumplament tal-Unjoni.
Filwaqt li r-Renju Unit u l-UE qegħdin iħarsu lejn kapitlu ġdid fir-relazzjonijiet bilaterali, Michel Barnier, li mexxa l-aħħar taħditiet dwar Brexit bħala n-negozjatur ewlieni tal-Unjoni, aġġorna lill-Ambaxxaturi tal-UE dwar l-iżviluppi.
Il-ftehim, intant, intlaħaq wara sensiela ta’ taħditiet diffiċli li kienu jinvolvu issues bħad-drittijiet tas-sajd u r-regoli li jamministraw il-kompetizzjoni ġusta u li huma applikabbli għar-Renju Unit u daqstant ieħor il-pajjiżi tal-Unjoni.
Id-deputati f’Londra se jivvutaw dwar il-ftehim fil-Parlament, fit-30 ta’ Diċembru – bir-Renju Unit għandu jwarrab mir-regoli kummerċjali eżistenti tal-UE fl-aħħar tas-sena.
Min-naħa tiegħu, Michael Gove ma ċaħadx li l-proċess lejn l-aħħar żblokk fil-kwistjoni ta’ Brexit kien diffikultuż iżda insista li hu minn dejjem ‘ħass sens ta’ responsabbiltà’ li r-Renju Unit għandu jasal f’punt fejn imexxi l-interessi tiegħu bħala pajjiż indipendenti u sovran.
Hu kompla li l-ftehim kummerċjali li ntlaħaq ftit jiem ilu se jagħti lin-negozji fir-Renju Unit ‘il-kapaċità li jippjanaw għall-iżvilupp u l-investiment’ — bil-ftehim għandu jibbenefika wkoll lill-intrapriżi fl-Ewropa.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, fissret il-ftehim kummerċjali storiku mar-Renju Unit bħala ‘xieraq u bilanċjat’ u sostniet hi ukoll li ‘issa wasal iż-żmien li huma jaqilbu l-paġna u jħarsu lejn il-ġejjieni’.
Il-Parlament Ewropew għandu jirratifika l-ftehim kummerċjali li jrid jiddefinixxi r-relazzjoni bilaterali ( ma’ Londra) għall-għexieren tas-snin li ġejjin – iżda mhux mistenni li r-ratifika ssir qabel il-bidu tas-sena l-ġdida.
//= $special ?>