Il-firxa tal-pandemija fi xtutna qed tkompli tħalli aktar vittmi.
Dan hekk kif tul ix-xahar ta’ Diċembru s’issa tilfu ħajjithom 73 persuna kawża tal-Covid-19, 3 aktar meta ċ-ċifri ġew mqabbla mal-istess żmien tax-xahar ta’ Novembru, xahar rekord fejn jidħlu mwiet marbuta mal-pandemija f’pajjiżna, li ħalla warajh 75 vittma.
Dan kollu wara li l-Ministeru għas-Saħħa fuq il-paġna ta’ Facebook ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom 4 persuni oħra, 4 nisa.
Fl-ewwel każ, mara ta’ 74 sena li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fit-2 ta’ Diċembru u tilfet ħajjitha f’Jum il-Milied fl-Isptar Mater Dei.
Fit-tieni każ anzjana ta’ 80 sena li kienet ikkonfermata pożittiva għall-virus fis-17 ta’ Diċembru u mietet is-Sibt, fl-Isptar St. Thomas.
Fit-tielet każ mara ta’ 89 sena li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fit-12 ta’ Diċmebru tilfet ħajjitha s-Sibt fl-Isptar Mater Dei filwaqt li mara ta’ 86 sena li kienet ikkonfermata pożittiva l-Ġimgħa, 25 ta’ Diċembru mietet kmieni l-Ħadd filgħodu.
Dan filwaqt li tħabbar ukoll li bejn is-Sibt u l-Ħadd ġie rreġistrat 84 każ ġdid, sabiex b’hekk il-każi totali minn Marzu ‘l hawn jammontaw għal 12,325.
Fl-aħħar 24 siegħa fiequ 118 u għaldaqstant, l-ammont totali ta’ persuni mfejqa mill-Covid-19 f’pajjiżna jammontaw għal 10,668.
Dan ifisser li meta jiġi kkalkolat kemm fiequ persuni flimkien mal-vittmi, il-każi attivi jammontaw għal 1,447.
Intant, mit-129 każ ġdid imħabbar tul il-jum tas-Sibt; 33 kienu qraba ta’ persuna rreġistrati pożittivi preċedentament, 15-il każ minn fuq il-post tax-xogħol, 16-il każ li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi u 10 oħra minn attivitajiet soċjali.
Dan ifisser li 55 persuna ma jafux minn fejn jew mingħand min ġew infettati bil-virus tal-Covid-19.