Internazzjonali

Covid-19: Programmi ta’ tilqim għall-massa li jirriflettu ‘mument ta’ għaqda għall-Ewropa’

L-Unjoni Ewropea, fl-aħħar sigħat, nediet il-programmi koordinati għat-tilqim tan-nies kontra l-Covid-19, b’dan iż-żmien qed ikun imfisser bħala ‘wieħed sinifikanti li jirrifletti l-għaqda fost l-Istati tal-Ewropa’.

It-tilqim qed jirranka wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li l-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech kien twassal lis-27 Stati membri tal-UE.

Fil-fatt, numru ta’ pajjiżi bdew ilaqqmu lin-nies proprju min-nhar is-Sibt fejn ikkummentaw li ‘ma riedux jistennew imqar ġurnata oħra’ biex jibdew il-programmi tat-tilqim kontra wieħed mill-aktar viruses qerrieda fl-istorja moderna.

L-Unjoni Ewropea rappurtat ‘il fuq minn 335,000 mewta relatata mal-Covid-19 kemm ilha li nfirxet il-pandemija. Dan meta ’l fuq minn 14-il-miljuni (fl-Ewropa) spiċċaw infettati, bl-Istati-membri kważi kollha tal-UE qed josservaw miżuri stretti tal-lockdown.

Il-programmi tat-tilqim qed jitmexxew mill-awtoritajiet mediċi waqt li qed ikunu konfermati aktar każi tal-varjant ġdid tal-Covid-19 fil-pajjiżi tal-Ewropa, kif ukoll fil-Ġappun u l-Kanada. L-aħbarijiet kontinwi dwar il-varjant qed ikomplu jinfirxu, fost ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar li qed ikunu implimentati madwar id-dinja.

Sadanittant, it-tilqim – fuq bażi ġenerali – kellu jirranka ‘tassew’ fl-aħħar sigħat u ladarba l-UE ħejjiet il-programmi tat-tilqim għall-massa għall-446 miljun ċittadin tagħha Dan seħħ ukoll wara li l-European Medicines Agency (EMA) u l-Kummissjoni Ewropea awtorizzaw il-vaċċin tal-Pfizer-BioNTech li kien realizzat grazzi għal impenn konġunt ‘tal-Amerikani u l-Ġermaniżi’.

Fl-istess ħin, l-Unjoni Ewropea aċċertat mill-kuntratti għal aktar minn żewġ biljun doża tal-vaċċin ‘anti-Covid’ li produċew diversi kumpaniji tal-farmaċewtika.Il-Kummissjoni Ewropea stqarret li ċ-ċirkulazzjoni tal-vaċċin ‘qed idawwar il-paġna’ wara sena mill-aktar diffiċli, b’Ursula von der Leyen issostni li ‘il-programmi tat-tilqim qed jitqiesu bħala triq ‘il barra mill-pandemija’.

Il-Ministu tas-Saħħa Ġermaniż, Jens Spahn, qal li ‘l-aħħar żviluppi huma sodisfaċenti għall-aħħar fi żmien il-btajjel tal-Milied’, bil-Ġermanja qed tħejji għall-hekk-imsejjaħ ‘rollout’ tal-vaċċin madwar l-Istati federali kollha.

Fl-istess ħin, is-sorsi influwenti fil-qasam tas-saħħa qablu li l-vaċċin hu essenzjali għall-ġlieda kontra l-pandemija ‘minbarra li jipprovdi ċ-ċavetta għal triq ‘il barra mill-kriżi u li tippermetti biex il-ħajja tirritorna għan-normal’.

Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Luigi di Maio, ħeġġeġ lill-kompatrijotti tiegħu biex jieħdu t-tilqima kontra l-Covid ‘ħalli ikunu jistgħu jgħixu ħajjithom mill-ġdid fil-libertà’.

Fl-aħħar sigħat, aktar entitajiet tas-saħħa ddeċidew li ma jistennewx sallum biex jibdew il-programmi tat-tilqim.

Dan waqt li ħaddiema tas-saħħa fiz-zoni lejn il-grigal tal-Ġermanja deċidew biex ilaqqmu ‘minnufih’ lir-residenti ta’ dar għall anzjani f’Halberstadt.

Intant, fl-Ungerija, l-ewwel persuna li ngħatat il-vaċċin kontra l-coronavirus kien tabib mal-Isptar Ċentrali ta’ Del-Pest – bl-awtoritajiet fis-Slovakkja wkoll jibdew il-programmi tat-tilqim ‘minn qabel id-data prevista’. Fl-aħħar sigħat, il-pajjiżi l-oħra tal-UE kienu mistennija ‘jaqtgħu l-kantunieri’ biex ifittxu jlaqqmu l-akbar ammont possibbli ta’ nies bħala mezz biex isalvaw il-ħajja.