Lokali

Daqqa ta’ ħarta fuq il-finanzi tal-Maltin kawża tal-COVID-19

Terz tal-popolazzjoni Maltija esperjenzaw daqqa ta’ ħarta fid-dħul tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19.

Dan ħareġ minn stħarriġ li twettaq mill-ġurnal MaltaToday bejn Novembru u Diċembru ta’ din is-sena fejn ipparteċipaw aktar minn 640 persuna. It-total finali kien dak ta’ aktar minn 33% li raw tnaqqis fil-finanzi tagħhom, filwaqt li kienu ftit inqas minn 17% biss li raw żieda f’buthom.

Dawk l-iktar affetwati bid-daqqa ekonomika tul l-eqqel xhur tat-tieni mewġa tal-pandemija kienu persuni bejn is-36 sena u l-50 sena.

Dan filwaqt li fil-gżira Għawdxija, 61% tal-parteċipanti Għawdxin f’dan l-istħarriġ saħqu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom marret għall-agħar matul din is-sena, maħsub li dan il-persentaġġ kien tant għoli minħabba l-fatt li numru kbir ta’ Għawdxin jiddependu mis-settur turistiku, spina ewlenija tal-ekonomija Għawdxija, liema settur qala’ daqqa ta’ ħarta kbira bin-nuqqas drastiku tat-turisti lejn pajjiżna meta kkumparat mas-snin preċedenti.

Dwar is-sitwazzjoni ġenerali ta’ pajjiżna, mal-kważi 80% tal-parteċipanti qalu li s-sena 2020 kienet waħda ħażina ferm u li ċertament setgħet kienet aħjar.