Lokali

Imfakkra l-qlubija ta’ Pawlu Cremona

Kien fis-26 ta’ Dicembru tal-1984 li xi persuna jew persuni poġġew bomba taħt it-tarag tal-każin tal-Partit Nazzjonalista f’San Ġiljan. Pawlu Cremona, li dakinhar kien preżenti fil-każin, u b’xorti tajba nduna bil-bomba, fejn b’kuraġġ kbir ħariġha u ramieha fuq il-blat. Hemmhekk sussegwentament, splodiet.

36 sena ilu numru ta’ ħajjiet ġew salvati grazzi għal qlubija u kuraġġ ta’ Pawlu Cremona, att deskritt minn bosta bħala wieħed erojku li ċertament li kieku ma kienx għalih il-konsegwenzi kienu jkunu traġiċi.

Net News tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, fejn irrakkonta li dik il-lejla kienet ġiet organizzata ikla proprju għal ġieħu f’okkażżjoni li kien laħaq President tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, l-MŻPN. Huwa saħaq li huwa fatt li kieku Pawlu Cremona ma ntebaħx b’dak li kien qiegħed iseħħ iċ-ċans li dak il-lejl konna noħorġu minn dik il-binja qawwijin u sħaħ kien ikun minimu.

Francis Zammit Dimech fakkar li s-sitwazzjoni f’pajjiżna dak iż-żmien kien wieħed turbolenti ħafna, u sfortunatament, minflok il-Pulizija wettqu xogħolhom u fittxew lill-id wara t-tqiegħid ta’ din il-bomba, investigaw lill-istess Cremona li ħeles minnha – wirja oħra li l-istituzzjonijiet ma kienux fil-libertà li jaħdmu b’mod indipendenti u minflok il-Korp kien jinsab taħt il-kontroll tal-Gvern ta’ dak iż-żmien.

Net News tkellem ukoll ma’ iben Pawlu Cremona, Warren Cremona, li sostna li jinsab kburi b’missieru fejn il-kuraġġ li wera dak il-lejl għadu jiġi mfakkar wara dawn is-snin kollha.