Lokali

Rapporti jindikaw li Abela talab informazzjoni sensittiva lill-Kummissarju tat-Taxxa

Il-Korp tal-Pulizija, li suppost qed jimxi b’indipendenza u mingħajr indħil, qiegħed jistenna l-approvazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela, sabiex jiftħu u jfittxu fil-mobile tal-Kummissarju tat-Taxxa, Marvin Gaerty – b’sors qrib il-ġurnal The Sunday Times of Malta jisħaq li l-kontenut tal-mobile tal-Gvern ta’ Gaerty għandu informazzjoni ferm sensittiva.

Mitlub mill-Pulizija sabiex jiftħilhom il-mobile, b’rabta ma’ investigazzjoni li qed titwettaq dwar allegati konverżazzjonijiet li kellu man-negozjant u akkużat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, Marvin Gaerty allegatament irrifjuta, u sostna li l-Prim Ministru biss jista’ jagħti l-permess sabiex dan isir minħabba xi segretezzi marbuta mal-att tat-taxxa tad-dħul.

Madanakollu jidher li f’dan il-mobile partikolari hemm ħafna informazzjoni inkluż konverżazzjoni bejnu u bejn il-Prim Ministru nnifsu li twettqet aktar kmieni din is-sena.

Huwa mifhum li tul din il-konverżazzjoni Robert Abela talab informazzjoni kunfidenzjali dwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Dan hekk kif fl-eqqel tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista,  Bernard Grech kien sostna li kien ħallas sal-inqas ċenteżmu pagamenti tat-taxxa u tħallsu fuq mhedda ta’ madwar 4 snin minn fond tal-familja.

Mistoqsi mill-ġurnal Times of Malta jekk qatt talab dettalji ta’ natura sensittiva lil Gaerty dwar Bernard Grech, Abela baqa’ ma weġibx.

Sorsi qrib il-Prim Ministru madanakollu, ikkonfermaw mal-istess ġurnal li Abela qiegħed jikkunsidra jħallix jew le lill-Pulizija jaċċessaw il-mobile ta’ Gaerty.

Mill-banda l-oħra, Gaerty, irrifjuta li jikkumenta mal-ġurnal u insista li ma kienx ser jikkonferma jew le jekk il-Prim Ministru talbux jikxef informazzjoni sigrieta dwar taxxa għal gwadann politiku. Huwa baqa’ jinsisti li sabiex jipprovdi aktar dettalji għandu bżonn il-kunsens u l-permess tal-Prim Ministru nnifsu.

Preżentament Marvin Gaerty jinsab fuq Police Bail wara li kien interrogat mill-Pulizija tal-Iskwadra Kontra r-Reati Finanzjarji dwar konverżazzjoni oħra li kellu, din id-darba ma’ sid 17 Black, Yorgen Fenech, lura fl-2014.

Rapporti fil-ġurnal Times of Malta spjegaw li nhar it-Tlieta, Gaerty inżamm tnax-il siegħa sħaħ jistaqsu lill-Kummissarju tat-Taxxa – bil-Pulizija jfittxulu fid-dar u l-karozza fejn sussegwentament ġabru xi evidenza mill-uffiċju tiegħu fil-Furjana.

Ritratt: Times of Malta