Internazzjonali

Stati Uniti: L-isplużjoni ta’ Nashville x’aktarx li kienet azzjoni suwiċida

L-Uffiċjali li qed jinvestigaw l-isplużjoni pjuttost misterjuża ta’ Jum il-Milied f’ Nashville (Tennessee) indikaw li l-każ, x’aktarx, kien jinvolvi azzjoni suwiċida.

L-isplużjoni kienet qerdet vettura tat-tip camper van u l-investigaturi, fl-aħħar sigħat, evalwaw is-sejba ta’ xi fdalijiet umani qrib is-sit, fost it-testijiet tad-DNA intiżi biex jitfgħu dawl fuq il-każ. Saret ukoll tfittxija fir-residenza ta’ ‘persuna li qed tinteressa lill-awtoritajiet’ fl-inħawi ta’ Antioch, li hu subborg ta’ Nashville.

L-isplużjoni ta’ Jum il-Milied ħalliet numru ta’ midruba minbarra li ħarbtet lis-sistema tal-komunikazzjonijiet f’Tennessee u f’erba’ Stati Amerikani oħra.

Baqa’ ma ssemmiex l-iskop ewlieni wara l-isplużjoni, bl-ebda individwu jew grupp ma jassumi responsabbiltà – b’numru ta’ negozji u personalitajiet tax-xandir joffru (bejniethom) il-mijiet tal-eluf tad-dollari biex jinqabdu t-talin responsabbli.

Intant, l-investigaturi huma aktar disposti li jemmnu li l-isplużjoni kienet, fil-fatt, ‘suicide bombing’ – bis-sorsi mal-istazzjon tal-aħbarijiet CNN isostnu li l-aġenti tal-FBI mhumiex ifittxu għal xi suspettat ieħor wara s-sejba tal-fdalijiet umani. Dan fost it-teorija ewlenija li l-persuna li wettqet l-isplużjoni tilfet ħajjitha fl-istess azzjoni.