Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, spiċċa mira għal aktar kritika ħarxa wara li naqas milli jiffirma abbozz ta’ liġi li tippermetti għall-għajnuna ekonomika lill-Amerikani li qed iġarrbu l-effetti tal-pandemija tal-Covid-19.
L-aġir ta’ Trump wassal, fuq kollox, biex miljuni ta’ Amerikani, għalissa, jitilfu l-benefiċċji tal-qgħad fiċ-ċirkustanzi tal-pandemija. U għalkemm il-President Amerikan-elett, Joe Biden, kien wissa minn qabel dwar ‘sitwazzjoni li twassal għall-konsegwenzi devastanti’,Trump baqa’ ma iffirmax l-abbozz sakemm skada d-deadline ta’ tmiem il-ġimgħa.
Il-pakkett tal-għajnuna – ekwivalenti għal 900 biljun dollaru – kien approvat mill-Kungress Amerikan wara xhur ta’ negozjati diffiċli u diversi kompromessi.
Min-naħa tiegħu, Donald Trump qal li ‘jixtieq jagħti pagamenti akbar ( u ta’ darba’) lill-poplu’ – meta l-abbozz jippermetti ħlas ta’ 600 dollaru lill-Amerikani li jaqilgħu anqas minn 75,000 dollaru fis-sena. Il-President Amerikan qal li jrid ‘li l-Amerikani f’dan l-istatus tal-għajxien jirċievu mal-2,000 dollaru’ iżda r-Repubblikani fil-Kungress ma qablux mas-suġġeriment.
Min-naħa tiegħu, Donald Trump ipprova jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu f’din il-kwistjoni b’aktar akkużi fil-konfront taċ-Ċina bħala ‘l-ixprun wara l-Covid-19’.
Il-pakkett għall-għajnuna ekonomika fi żmien il-coronavirus għandu wkoll anness baġit federali ta’ 1.4 triljun dollaru. Dan meta dalwaqt mistenni jseħħ ‘għeluq tal-gvern parzjali’ dment li l-leġislaturi ma jgħaddux malajr abbozz ta’ emerġenza (stopgap). Abbozz ta’ dan it-tip, intant, ma jinkludux l-għajnuna ‘għal waqt il-Covid-19’ u se jeħtieġ xorta l-firma ta’ Trump bħala President.
Min-naħa tiegħum Joe Biden qal li ċ-ċaħda ta’ Trump li jiffirma l-abbozz għandha titqies bħala sitwazzjoni fejn il-President ‘warrab dolożament għar-responsabbiltajiet tiegħu bħala Mexxej tal-Amerikani’.Biden saħaq li, fil-jiem ta’ wara l-Milied, mijiet ta’ familji Amerikani spiċċaw fi stat fejn ma jafux jekk jistgħux ilaħħqu mal-bżonnijiet essenzjali minn ġurnata għall-oħra.
Hu spjega li dan sar possibbli minħabba ‘is-sempliċi fatt’ li Trump irrifjuta li jiffirma abbozz għall-għajnuna ekonomika approvat mill-Kungress u li għandu l-appoġġ tal-maġġoranza ( b’rappreżentazzjoni tal-Partit Repubblikai u l-Partit Demokratiku) f’dik il-leġislatura tal-Gvern federali tal-Istati Uniti.
//= $special ?>