“In-normalità f’dan il-pajjiż damet mill-Milied sa San Stiefnu, illum sfortunatament kellna konferma oħra li m’aħniex qed ngħixu f’pajjiż normali”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’kollegament telefoniku fuq Net FM fejn mistoqsi dwar l-istorja rrapportata l-Ħadd filgħodu fuq The Sunday Times of Malta dwar allegata konverżazzjoni bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju tat-Taxxa Marvin Gaerty, il-Kap tal-PN insista li l-fatt li l-Pulizija qed jistennew il-permess ta’ Abela biex jissoktaw fl-investigazzjonijiet tagħhom hija wirja ċara li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna mhux qed jiffunzjonaw kif suppost.
Filwaqt li appella lill-pulizija sabiex jagħmlu xogħolhom mingħajr ma’ jħarsu lejn uċuħ u insista li l-Korp għandu mezzi oħra sabiex jissokta fl-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ, Bernard Grech saħaq li jekk il-Prim Ministru m’għandu xejn x’jaħbu għandu jagħti xorta waħda l-permess tiegħu lill-pulizija biex tkompli bil-ħidma tagħha.
Dan kollu hekk kif allegatament il-Prim Ministru qed jirrifjuta li jagħti permess biex il-Pulizija twettaq dmirha għax potenzjalment l-investigazzjoni jaf tikxef li hu wettaq reat fiskali.
Dan filwaqt li fil-jum storiku għal din is-sena, jum li fih iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin bdew jitlaqqmu kontra l-pandemija tal-Covid-19, Bernard Grech appella lill-poplu sabiex jieħdu l-vaċċin filwaqt li insista li kulħadd għandu jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u jikkonsulta mat-tobba fejn hemm bżonn.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll li l-vaċċin mhux l-unika soluzzjoni biex nikkumbattu dan il-virus qerriedi, iżda hemm bżonn ir-responsabbilità ta’ kull wieħed u waħda minna u għaldaqstant għandna nibqgħu kawti xorta waħda.
Bernard Grech faħħar ukoll il-qalb kbira tal-Maltin u l-Għawdxin l-għada li waqt l-istrina nġabru aktar minn €6.5 miljun. Huwa saħaq li ta’ kull sena l-poplu dejjem iwieġeb għas-sejħa fil-mument tal-prova u juri solidarjetà sabiex jgħin lil min huwa fil-bżonn.
Intant, huwa faħħar il-ħidma sfieqa tal-frontliners tul dawn ix-xhur u sellem il-morda fejn awgura lill-poplu Malti u Għawdxi sena ta’ kuraġġ u saħħa fejn saħaq li jittama li tul l-2021 ma ndumux ma nerġgħu ngħannqu lill-għeżież tagħna.