West Bromwich Albion ħolqu sorpriża kbira meta, kontra kull mistenni, żammew liċ-Champions Ingliżi, Liverpool, fi draw ta’ 1-1, f’Anfield Road. It-telfa ta’ żewġ punti għar-Reds ta’ Jurgen Klopp tfisser li Liverpool estendew il-vantaġġ fuq Everton b’punt wieħed biss meta huma, issa għandhom 32 punt minn 15-il logħba.
Sadanittant, West Brom li jinsabu t-tieni mill-aħħar għandhom għalfejn iqawwu l-moral waqt fażi kruċjali tal-istaġun, bl-ingaġġ tal-kowċ veteran Sam Allardyce jidher li qed iħalli l-frott, meta kull punt se jkun kruċjali fit-taqtigħa għal min se jżomm postu fil-Premier Ingliż. Il-logħba f’Anfield Road dehret miexja skont il-pronostiku meta Sadio MANE ikkontrolla l-assist ta’ Matip qabel għeleb lil Sam Johnstone b’xutt qawwi.
Minn dak il-ħin, ir-Reds kellhom ħafna pussess tal-ballun filwaqt li ddettaw il-logħob mingħajr ma jkunu wisq perikolużi u ta’ dan pattew qares meta, fit-83 minuta, id-daqqa ta’ ras stupenda ta’ Semi AJAYI rat il-ballun jaħbat mal-lasta u jispiċċa fix-xibka għal 1-1, bil-gowlkiper Alisson iħares. Fl-aħħar ħinijiet, Johnstone wettaq save brillanti fuq it-tentattiv ta’ Firmino li deher destinat għal ġewwa, biex salva dan ir-riżultat utli għall-Baggies.
Tottenham u Wolves temmew fi draw ta’ 1-1. Tottenham Hotspur kellhom bidu brillanti kontra Wolves hekk kif mal-ewwel minuta xutt fil-baxx mid-distanza ta’ Tanguy NDOMBELE qarraq bil-gowler Rui Patricio biex għamel l-iskor 1-0. Il-gowl fil-bidu tal-partita ikkundizzjona mhux ftit l-andament tal-logħba, b’Wolves joħolqu diversi ċansijiet ta’ skor u kien ROAMIN SAISS li ġab id-draw permezz ta’ daqqa ta’ ras fuq corner ta’ Pedro Neto, lejn it-tmiem biex salva punt għal Wolves.
Penalty skurjat minn Patrick BAMFORD wara biss ħames minuti kien biżżejjed għal Leeds United biex jaċċertaw mit-tliet punti mill-konfront ma’ Burnley f’Elland Road. B’din ir-rebħa, il-‘Peacocks’ jinsabu komdi f’nofs il-klassifika b’20 punt minn 15-il logħba, waqt li Burnley spiċċaw fl-inkwiet meta jinsabu żewġ punti biss ‘il fuq miz-zona l-ħamra.
Il-logħba fil-London Stadium bejn West Ham United u Brighton and Hove Albion żvolġiet f’taqtigħa interessanti bir-riżultat, 2-2, ikun wieħed ġust fiċ-ċirkustanzi. Brighton kienu marġinalment l-aħjar tim fl-ewwel taqsima u huma marru fil-vantaġġ minn gowl tal-prolifiku Neal MAUPAY, minuta biss qabel il-mistrieħ. Intant, il-Hammers tjiebu ħafna fit-tieni 45 minuta u l-gowl tad-dro wasal meta Ben JOHNSON approfitta minn taħwida quddiem il-lasta ta’ Sanchez biex isib l-angolu tax-xibka għall-1-1.
Dan kien ukoll l-ewwel gowl ta’ Johnson bil-flokk ta’ West Ham fl-ogħla kampjonat Ingliż. Intant, Brighton baqgħu jinsistu u fis-70 minuta, Lewis DUNK reġa’ għeleb lil Fabianski fil-lasta tal-Hammers wara korner mogħti qasir. Madankollu, l-aħħar kelma kellha tkun ta’ West Ham meta l-midfielder, Tomas SOUCEK , sab ruħu żmarkat fil-kaxxa waqt korner u fejn, bir-ras, kiseb parità finali għat-tim tiegħu.
PREMIER LEAGUE
Illum: Leeds v Burnley 1-0, West Ham v Brighton 2-2, Liverpool v WBA 1-1, Wolves v Tottenham 1-1 Għada: C.Palace v Leicester 4.00pm, Chelsea v Aston Villa 6.30pm, Everton v Man City 9.00pm