L-imxija qed tkompli tħalli aktar vittmi f’pajjiżna dan hekk kif fl-aħħar sigħat Malta kellha 5 fatalitajiet b’kaġun tal-Coronavirus, biex issa t-total ta’ mwiet tela’ għal 215.
Fl-ewwel każ anzjana ta’ 88 sena, li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fit-22 ta’ Diċembru, fit-tieni każ anzjana ta’ 93 sena, li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fit-13 ta’ Diċembru, fit-tielet każ, anzjan ta’ 86 sena li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid19 fit-13 ta’ Diċembru filwaqt li fir-raba’ każ anzjan ta’ 95 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-16 ta’ Diċembru. Dawn l-erba’ każijiet mietu l-Ħadd fl-isptar Mater Dei.
Intant il-ħames każ kien ta’ anzjan ta’ 77 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fil-21 ta’ Diċembru, miet it-Tnejn fl-Isptar Mater Dei.
Fl-aħħar sigħat f’Malta nstabu 101 każ ġdid filwaqt li fiequ mill-virus 123 persuna, biex it-total ta’ każijiet li fiequ tela’ għal dak ta’ 10,791. In-numru totali tal-każijiet minn Marzu ‘l hawn issa tela’ għal 12,426 filwaqt li l-każijiet attivi huma 1,420.
Filwaqt li l-każijiet imħabbra t-Tnejn għadhom qed jiġu investigati ġew imħabbra d-dettalji tal-84 każ li tħabbru l-Ħadd fejn kien hemm 22 każ minn membri tal-familja li kienu diġà magħrufa, 9 każijiet li kellhom kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv fuq il-post tax-xogħol, 18-il persuna li kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittiv għall-virus u 8 każijiet minn attivitajiet soċjali. Dan ifisser li 27 każ ma jafux minn fejn ħadu l-virus.