Viżibbilment skomdu, u dahru mal-ħajt.
Robert Abela spiċċa ma kellux triq oħra ħlief li jikkonferma li kellem hu direttament lid-Direttur tad-Dipartiment tat-Taxxa, Marvin Gaerty, dwar allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Bernard Grech, b’Robert Abela jagħti l-kummenti tiegħu t-Tnejn filgħaxija, wara t-tifkira ta’ Karin Grech f’San Ġwann.
Il-Prim Ministru kien qed jagħti l-ewwel reazzjoni tiegħu wara sensiela ta’ mistoqsijiet mibgħuta minn din il-kamra tal-aħbarijiet lill-Uffiċċju tiegħu f’Kastilja, mistoqsijiet li baqgħu ma ġewx imwieġba għal kważi jumejn, bil-Mexxej Laburista issa jikkonferma li tkellem mad-Direttur tad-Dipartiment tat-Taxxa rigward Bernard Grech, azzjoni deskritta minn analisti politiċi bħala “spjunaġġ mill-Prim Ministru fuq l-avverasrju politiku tiegħu”.
“Dik l-informazzjoni li jiena rċievejt, għamilt id-dmir li kelli nagħmel u għaddejtha lil Marvin Gaerty. (…) Infurmajt lil Marvin Gaerty b’dak li ġejt infurmat bih.”
U tkellem ma’ Gaerty minkella li l-allegazzjonijiet kienu diġà rrappurtati fil-media:
“Iva, iva, iva. U llum weġibtek ċar dwar id-domanda, weġibtek ċar dwar min tani l-informazzjoni u x’għamilt jien.”
Mistoqsi jekk kienx politikament korrett li jitkellem dwar dawn l-affarijiet mal-Kummissarju tat-Taxxa u jgħaddilu l-informazzjoni hu, Robert Abela ma wiġibx…. iżda ppreċiża li tkellem ma’ Gaerty dwar dan.
NET News staqsa lill-Prim Ministru għalfejn dam kważi 48 siegħa biex iwieġeb għal din l-istorja, wara li din il-kamra tal-aħbarijiet bagħtet il-mistoqsijiet lill-uffiċċju tiegħu f’Kastilja, Robert Abela għall-ewwel deher viżibbilment konfuż imbagħad wieġeb hekk:
“Qed inwieġbek issa. Ħriġna press call għall-attività tal-lejla u qiegħed hawnhekk inwieġbek għal kull domanda.”
U ma’ din it-tweġiba, il-Prim Ministru Robert Abela ħalla l-attività mingħajr ma wieġeb dwar il-kontenut veru tad-diskursata fuq Bernard Grech, mad-Direttur tad-Dipartiment tat-Taxxa, Marvin Gaerty.
//= $special ?>