Internazzjonali

Covid-19: Tiżdied il-pressjoni fuq l-isptarijiet tal-Ingilterra, fost l-ispinta fl-infezzjonijiet

L-isptarijiet fir-reġjuni lejn in-nofsinar tal-Ingilterra qed ikollhom jaħdmu taħt ‘aktar pressjoni’ meta qed ilaħħqu maż-żidiet fl-ammont tal-pazjenti li jeħtieġu trattament urġenti għall-effetti tal-Covid-19.

Fil-fatt,  l-awtoritajiet tas-saħħa Britanniċi, issa, fissru l-jum tas-Sibt ( is-26 ta’ Diċembru) bħala l-aktar jum attiv ‘fiż-żmien kollu li ilu jeżisti l-London Ambulance Service’. Dan meta l-Ingilterra, fil-preżent, qed tiffaċċa l-impatt tal-varjant ġdid tal-Covid-19 li għandu ‘daqs 70 fil-mija aktar potenzjal’ li jinfetta lin-nies mit-tip tal-virus oriġinali.

F’din is-sitwazzjoni, is-servizzi tal-ambulanza f’Londra, flimkien ma’ servizzi simili f’reġjuni oħra tal-Ingilterra, qed iħeġġu lin-nies biex iċemplu (999) għall-emerġenzi biss f’sitwazzjonijiet tas-saħħa serji.

Kelliema għall-isptarijiet f’Wales u l-Iskozja wkoll qalu li s-servizzi tal-ambulanza u servizzi mediċi oħra qegħdin jaħdmu taħt ‘piż notevoli’ minħabba l-impatt tal-coronavirus. Dan meta l-isptarijiet qed jimtlew dejjem aktar bil-pazjenti li qed ibatu mill-virus u l-effetti tal-varjant ġdid tal-Covid-19.

It-tabiba, Katherine Henderson, bħala l-President tar-Royal College of Emergency Medicine, qalet li l-ħaddiema mas-servizzi mediċi qed isibu d-diffikultajiet kbar biex idaħħlu lill-pazjenti morda bil-Covid fis-swali tal-isptarijiet. Is-sitwazzjoni, intant, tidher li qed taffettwa wkoll lis-servizzi għall-pazjenti li qegħdin ibatu minn mard ieħor.

Katherine Henderson qalet li kulħadd kien qed jistenna ‘sfida straordinarja’ mill-Covid-19 għal matul ix-xitwa, iżda ftit stennew li l-ħteġiet għall-morda kienu se jkunu daqstant akuti u, fl-istess ħin, ‘ikkumplikati’.

L-awtoritajiet tas-saħħa Britanniċi, sadanittant, qed iħeġġu biex il-Britanniċi jkomplu jeżerċitaw il-kawtela fil-konfront tal-pandemija, waqt li jirrispettaw il-miżuri tas-sigurtà li qed ikunu implimentati taħt il-kriterji ta’ ‘Tier 4’ – li jissimbolizza l-ogħla restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies.

Is-Settur tas-Saħħa f’Wales ukoll jinsab taħt pressjoni bla preċedent peress li l-ammonti kbar tal-pazjenti – minbarra l-każi ta’ mard fost l-istaff mediku – qegħdin joħolqu sitwazzjoni mill-aktar diffiċli fuq bażi lokali.

It-tobba, fl-istess ħin, wissew li s-sistema tas-saħħa fl-Iskozja qed ikollha tlaħħaq ma’ piż enormi minħabba ż-żieda fil-każi tal-Covid-19. Dan meta l-ammont tal-pazjenti li qed ibatu mill-coronavirus żiedu l-emerġenza tas-saħħa ‘tradizzjonali’ għal dan iż-żmien tas-sena u li s-soltu tkun dovuta għall-influwenza staġjonali.

Il-Gvern Britanniku, filwaqt li ammetta li x-xhur li ġejjin se jkunu ‘diffiċli u mimlija bi pressjoni għas-servizzi tas-saħħa’, insista li qed jaddotta strateġija għaqlija fiċ-ċirkustanzi. Il-kelliema f’Londra qalu wkoll li l-aktar ħaġa importanti hu li jittieħed kont regolari tal-provi mediċi u xjentifiċi konnessi mal-virus u li qegħdin jiżviluppaw minn jum għall-ieħor.

Mal-24 miljun resident fir-reġjuni tal-lvant u x-xlokk tal-Ingilterra ( jiġifieri mat-43 fil-mija tal-poplu) issa qed jgħixu taħt il-kundizzjonijiet ta’ ‘Tier 4’ — u mistennija analiżi oħra tas-sitwazzjoni li kapaċi żżid ir-restrizzjonijiet għal aktar zoni fil-pajjiż.