Bernard Grech sfida lil Prim Ministru Robert Abela biex jippublika r-returns tat-taxxa u l-VAT u biex jiddikjara jekk qattx iddiskuta materji personali tiegħu ta’ taxxa u VAT mal-Kummissarju għat-Taxxi Nterni. Dan wara li fl-aħħar sigħat Robert Abela ammetta li tkellem mal-Kummissarju Marvin Gearty dwar materji personali tal-Kap tal-PN.
F’post fuq Facebook, Bernard Grech saħaq li “wara jumejn jaħsibha, Robert Abela llejla kkonferma li uża l-pożizzjoni tiegħu biex jipprova jinfluwenza l-elezzjoni ta’ Kap tal-PN.” Bernard Grech saħaq li “dan hu abbuż ċar tal-poter.”
Il-Kap tal-PN temm jgħid li biex il-Prim Ministru jassigura lill-poplu Malti u Għawdxi li hu (Robert Abela) iddikjara u ħallas dak kollu dovut, għandu jippublika r-returns tiegħu nnifsu. Bernard Grech saħaq li l-Prim Ministru għandu wkoll jiddikjara jekk qatx iddiskuta dawn il-materji mal-Kummissarju għat-Taxxi.