Coronavirus Lokali Saħħa

“Il-ħaddiema kollha tas-Saħħa għandhom jingħataw il-vaċċin f’dawn il-5 ġimgħat” – MAM

Permezz ta’ stqarrija l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, qalet li filwaqt li tilqa’ l-aħbar pożittiva li t-tilqima tal-Covid qed titqassam madwar l-Unjoni Ewropea, inkluż Malta, issa qed tappella biex il-ħaddiema kollha tas-Saħħa jingħataw il-vaċċin f’dawn il-ħames ġimgħat, jiġifieri l-ewwel doża fl-ewwel ġimagħtejn, u t-tieni doża tliet ġimgħat wara.

Il-MAM ukoll tat ħarsa lejn is-survey li indika li 70% tal-popolazzjoni Maltija tixtieq tieħu l-vaċċin… u qalet li dan huwa riżultat pożittiv ħafna.

L-Assoċjazzjoni tat-Tobba elenkat ukoll li filwaqt li bħalissa huwa tajjeb li qed jingħataw 50 tilqima kuljum, issa tistenna li fil-jiem li ġejjin dan il-proċess jiżdied, u jibdew jingħataw 300 tilqima kuljum.