Lokali

Il-Kap tal-PN isellem il-memorja ta’ Karin Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sellem il-memorja ta’ Karin Grech, li hija wkoll kuġina tiegħu, f’għeluq it-43 anniversarju mill-qtil tagħha.

Huwa qal li l-qtil ta’ Karin jibqa’ tebgħa fuq l-istorja politika riċenti ta’ pajjiżna u ġerħa fuq il-familja. Bernard Grech saħaq li jittama li l-verità kollha dwar dan id-delitt tkun magħrufa u jasal dak il-jum meta jissolva.

Bernard Grech tenna li ħadd ma għandu jinqatel minħabba l-politika, ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi. Huwa qal li kull ħajja hija prezzjuża u għandna nissieltu għaliha dejjem.

“Dak il-kapitlu ikrah ferm fl-istorja ta’ pajjiżna jista’ jingħalaq biss meta jissolva dan id-delitt u kull delitt politiku ieħor”.

Il-Kap tal-PN appella biex il-Kummissarju tal-Pulizija, minkejja t-trapass taż-żmien jagħmel dak kollu possibbli biex isolvi anke dawn id-delitti politiċi. Bernard Grech intant tenna li hu se jibqa’ determinat li jkompli jistinka biex titnaddaf il-politika Maltija u biex il-politika tkun tabilħaqq għodda ta’ kif jista’ jinħoloq il-ġid u jitqassam b’mod ġust fost il-poplu Malti.