Lokali

“Il-Partit Laburista għandu bżonn jitnaddaf” – Mark Camilleri

L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien katalista għall-bidla, bil-poplu issa m’għadux jittolera il-korruzzjoni.

Hekk stqarr il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri waqt intervista li ġiet ippubblikata l-Ħadd fil-Malta Independent.

Camilleri fakkar li hu membru tal-Partit Laburista, iżda huwa kritiku ferm tal-Partit Laburista, filwaqt li tenna li jeħtieġ li jsir tagħlim biex ikun eradikat il-partiġġjaniżmu tribali f’pajjiżna.

Dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia huwa qal li dan l-assassinju prova jnissel biżgħa u jsikket lin-nies. Fir-realtà dan għamel il-kontra, għax in-nies m’għadhomx jibżgħu, b’uħud sar għandhom ċertu korla minħabba dak li ġara u għalhekk iridu jitkellmu.

Mark Camilleri tenna li hu kieku jkollu l-opportunità ma jerġax jivvota lil Joseph Muscat, għalkemm kien jaf li meta vvutawlu fl-2017, kien hemm il-korruzzjoni….  Huwa qal li se jibqa’ jittama li l-Partit Laburista jitnaddaf mill-korruzzjoni, u jneħħi lil dawk li jinsabu qedghin ħdanu biex iwettquha.

Mark Camilleri tenna wkoll li hu minn dejjem stinka għal-libertà tal-midja, għax jemmen li l-midja hija katalista f’kull aspett.

Huwa insista li għalkemm ħafna nies partiġġjani jiddefendu lill-politiċi, anki meta jkun hemm fatti kontrihom, issa jmiss li l-irwol tal-midja jingħata aktar prijorità… u li l-midja issa għandha l-irwol ukoll li teduka, bħal m’għandu wara kollox il-ktieb.