Lokali

Jinqabad b’62 pakkett droga lesti biex jinbiegħu

Fl-aħħar sigħat, L-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga arrestat raġel ta’ 24 sena residenti Marsaxlokk wara li nqabad fil-pussess ta’ ammont ta’ droga kokaina.

Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni, tard ilbieraħ billejl, il-Pulizija ċċirkondat lir-raġel waqt li kien qiegħed isuq fi Triq it-Trunċiera, Marsaxlokk.

Minn tfittxija li saret fil-vettura nstabu madwar 60 pakkett żgħir bid-droga kokaina, 2 pakketti żgħar bid-droga kannabis, lesti biex jinbiegħu u ammont ta’ flus kontanti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġeneral tal-Pulizija, il-Furjana, u mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest għada b’akkużi relatati mat-traffikar tad-droga, fost oħrajn.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.