Fl-aħħar sigħat kienet konfermata l-aħbar li mhux se tkun qed tiżdied ġurnata oħra ta’ leave għas-sena d-dieħla. Kien ftit tal-jiem wara l-Budget li dan l-istazzjon kixef il-qerq tal-Gvern dwar il-famuża ġurnata leave – ġurnata żejda li mhux se tkun qed tingħata, kuntrarju għal dak li wiegħed il-Gvern ta’ Robert Abela. Filfatt fl-aħħar diskors tal-Budget, il-Ministru tal-Finanzi kien ċar ħafna fi kliemu u saħaq li l-ħaddiema se jkollhom ġurnata oħra ta’ leave – dan kien intlaqa’ b’ħafna ċapċip mid-Deputati tal-Gvern.
Il-Gvern fi stqarrija kien ikkonferma li fis-sena 2021, il-ħaddiema se jieħdu ġurnata leave għal kull btala li taħbat bħala festa fi tmiem il-ġimgħa. Dan ifisser li wara ġimgħat sħaħ jaħrab il-verità, il-Gvern spiċċa kellu jikkonferma l-aħbar li żvela Net News ġimgħat ilu. Dwar dan Net News saqsa lill-Ministru Carmelo Abela li taħtu jaqa’ id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali li jieħu ħsieb kwistjonijiet ta’ leave. Ir-risposta tiegħu wriet biċ-ċar li d-diskors tal-Budget kien wieħed li prova jqarraq bil-pubbliku. Minkejja li l-Ministru kkonferma li l-Gvern prova jqarraq bil-poplu Malti, mistoqsi minn dan l-istazzjon ftit tal-ġimgħat ilu, Robert Abela kien qal li l-ġurnata leave se tingħata għax il-wegħdiet tal-Budget jinżammu. Iżda issa nafu li din ma kienet xejn għajr gidba sfaċċata mill-Gvern, bħala parti mill-propaganda tiegħu.
Li kieku ma kienx NET News li żvela li l-ġurnata leave mhux se tiżdied, Robert Abela kien se jibqa’ jipprova jqarraq bil-ħaddiema u jgħid li se jżid ġurnata oħra ta’ leave għall-festi li jinzertaw fi tmiem il-ġimgħa.
Intant, waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-istess dipartiment inkwistjoni ħarġet statistika interessanti dwar is-sena 2020.
Il-COVID-19 affetwa numru ta’ ħaddiema u filfatt l-istatistika turi li minn Marzu kien hemm mal-1,000 kumpanija li talbet permess biex jinbiddlu termini tal-impjieg b’mod temporanju. Bħalissa fadal madwar 200 kumpanija li qed tħaddem l-impjegati b’termini differenti minn dawk li primarjament kienu maqbula fil-kuntratt tax-xogħol. Dan ifisser eluf kbar ta’ impjegati li għadhom ma’ rritornawx lejn il-ħajja normali tagħhom mid-daqqa tal-pandemija.
Mill-1 t’April sa Dicembru id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali irċieva 43,495 telefonata fuq il free-phone numbers li nħolqu għal mistoqsijiet mill-impjegati u min iħaddem waqt ix-xhur tal-pandemija. Dan filwaqt li sa qabel bdiet il-pademija madwar 700 persuna żaru l-uffiċini ta’ dan id-dipartiment li mistenni jerġa’ jiftaħ għall-pubbliku f’nofs Jannar li ġej.
Ħareġ ukoll li fl-aħħar 12-il xahar kienu investigati ftit inqas minn 900 każ ta’ illegalità jew diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Dan id-dipartiment jieħu ħsieb ukoll it-Tribunal Industrijali li minbarra id-49 kaz li ħa deċiżjoni fuqu fl-aħħar xhur, għad hemm aktar minn 300 każ pendenti.