Il-fkieren tal-ilma baħar Mayo u Ashley erħewla lura lejn id-dinja tagħhom wara xhur ta’ rijabilitazzjoni fiċ-ċentru ta’ Nature Trust Malta.
Mayo, li għandu sentejn u nofs kien instab li bela’ żewġ ganċijiet li jintużaw għas-sajd, liema ganċijiet ikkawżaw feriti serji.
Minn naħa l-oħra, Ashley, li għandha 15-il sena nstabet li belgħet xi plastik hekk kif ħasbitu bram.
Wieħed seta’ jara l-ferħ u ċ-ċapċip fost dawk li inzertaw kienu preżenti b’tama għal ħajja aħjar għal dawn il-fkieren.
Fekruna tal-ilma baħar oħra, Maggie għadha qed tingħata l-kura hekk kif għaddiet minn ħafna, tant li spiċċat mingħajr sieq kawża tax-xlief, b’riżultat li ma tistax tgħum bil-libertà fil-baħar.


