Internazzjonali

Mitfugħa l-ħabs fiċ-Ċina wara li rrappurtat dwar il-coronavirus minn Wuhan

Ġurnalista – ċittadina taċ-Ċina – li provdiet rappurtaġġ dettaljat dwar l-effetti tal-coronavirus fl-inħawi ta’ Wuhan, spiċċat ikkundannata għal erba’ snin ħabs.

Zhang Zhan instabet ħatja li ‘ipprovokat l-inkwiet’, bl-akkuża tkun waħda familjari min-naħa tal-awtoritajiet komunisti Ċiniżi fil-każi meta huma jikkonfrontaw attivisti meqjusa bħala theddida għar-reġim.

Il-ġurnalista ta’ 37 sena, eks avukata, spiċċat arrestata f’Mejju u damet ix-xhur għaddejja bi strajk tal-ġuh biex tipprotesta għall-inġustizzja li saritilha. L-avukati tagħha qalu, issa, li Zhang Zhan marret lura ħafna f’termini ta’ saħħa.

Il-mara hi waħda biss minn diversi ‘ċittadini ġurnalisti’ li kellhom l-inkwiet mal-Gvern Ċiniż talli rappurtaw dwar il-Covid-19 f’Wuhan u l-madwar.

Iċ-Ċina ma għandha l-ebda media ħielsa u l-awtoritajiet f’dan il-pajjiż kemm-il darba użaw il-‘ponn tal-ħadid’ fil-konfront tal-attivisti u whistleblowers li ‘ikkuntestaw ir-reazzjoni tal-Gvern għall-pandemija’.

Is-sitwazzjoni ta’ Zhang ilha segwita għal xhur u wara li hi kienet marret f’ Wuhan biex tiddokumenta dak kollu li rat fit-toroq u l-isptarijiet tal-belt li kienet l-ewwel ‘epiċentru’ tal-virus – u minkejja t-theddid min-naħa tal-awtoritajiet. Ir-rapporti tal-ġurnalista, intant, kienu ċirkulati regolarment fuq il-mezzi tal-media soċjali indipendenti.