Lokali

Robert Abela sieket quddiem l-aħħar skandlu li jipponta direttament lejh

Jevita d-domandi ta' Net News

L-ebda kumment, skiet li jtarrax.

Kienet din ir-reazzjoni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela wara li l-Ħadd filgħodu l-ġurnal The Sunday Times of Malta rrapporta li l-Korp tal-Pulizija, li suppost qiegħed jimxi b’indipendenza u mingħajr indħil, qed jistenna l-barka tal-istess Abela bil-għan li tissokta investigazzjoni u tfittxija fil-mobile tal-Kummissarju tat-Taxxa Marvin Gaerty.

Dan hekk kif sors qrib l-istess ġurnal saħaq li l-kontenut tal-imsemmi mobile għandu informazzjoni ferm sensittiva – inkluż konverżazzjoni bejn l-istess Gaerty u l-Mexxej Laburista Robert Abela li twettqet aktar kmieni din is-sena.

Huwa mifhum li tul din il-konverżazzjoni Robert Abela talab informazzjoni kunfidenzjali dwar il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Dan hekk kif fl-eqqel tal-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista,  Bernard Grech kien sostna li kien ħallas sal-inqas ċenteżmu pagamenti tat-taxxa u li dawn tħallsu fuq mhedda ta’ madwar 4 snin minn fond tal-familja.

Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Net News bagħtet bil-miktub domandi lill-Prim Ministru biex jikkonferma jew jiċħad dawn l-allegazzjonijiet. Iżda la Robert Abela ma wieġeb u lanqas l-uffiċjali tiegħu f’Kastilja.

Staqsejna wkoll jekk hux minnu li l-Korp tal-Pulizija qed jistennew l-approvazzjoni tiegħu sabiex jaċċessaw il-mobile tal-Kummissarju tat-Taxxi bil-għan li mhux biss toħroġ din il-verità iżda wkoll biex jissoktaw fl-investigazzjonijiet b’rabta ma’ konverżazzjoni oħra li Gaerty allegatament kellu ma’ sid 17 Black, Yorgen Fenech, lura fl-2014.

Preżentament Gaerty jinsab fuq Police Bail wara li kien interrogat mill-Pulizija tal-Iskwadra Kontra r-Reati Finanzjarji dwar l-imsemmija konverżazzjoni man-negozjant Yorgen Fenech.

Intant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella sabiex il-Pulizija jitħallew jagħmlu xogħolhom b’indipendenza u libertà bil-għan li l-ġustizzja ssir mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Bernard Grech insista li jekk Robert Abela m’għandu xejn x’jaħbi għandu jħalli l-Korp jinvestiga minkejja li xorta waħda l-investigaturi jistgħu jagħmlu dan xorta waħda.

Il-Ħadd, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ddeskriva lill-Prim Ministru bħala persuna li qed jaġixxi b’mod skomdu.