Coronavirus Lokali

STĦARRIĠ: Iżjed minn 70% tal-Maltin se jieħdu l-vaċċin tal-COVID-19

Iktar minn 70% tal-Maltin mistennija jieħdu l-vaċċin tal-COVID-19, bi 38% mit-total jgħidu li se jieħduh mal-ewwel ċans li jkollhom.

Dan irrizulta minn stħarriġ li sar mill-kumpanija ta’ ricerka bl-isem Esprimi fejn ipparteċipaw 500 persuna; bid-domanda tkun dwar it-tilqima tal-Coronavirus.

Dan l-istħarriġ juri persentaġġ għoli ta’ persuni li wisq probabbli se jkunu qed jieħdu t-tilqima.

Mill-istess stħarriġ ħareġ ukoll li kwart ta’ dawk li mhumiex ċerti għandhomx jieħdu l-vaċċin jew le, jinsabu indeċiżi minħabba l-fatt li ma jafux x’jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet tiegħu.

Apparti dan, hareg biċ-ċar li persuni kbar fiż-żmien huma iktar ċerti li se jieħdu t-tilqima meta kkumparati ma’ nies iżgħar fl-età.

Fil-fatt, 52% ta’ anzjani li għandhom iktar minn 65 sena jinsabu decizi li se jieħdu l-vaċċin filwaqt li huma biss 35% dawk iż-żgħażagħ bejn is-16 u l-24 sena li qalu li żgur se jieħduh. L-inqas persentaġġ għal din id-domanda kienet ta’ 29% fl-etajiet ta’ bejn il-35 u d-49 sena.

Jidher li n-nisa huma inqas deċiżi dwar għandhomx jieħdu l-vaċċin hekk kif 20.2% tal-irġiel jinsabu deċiżi filwaqt li 17.6% tan-nisa huma ċerti. U l-ikbar qabża tidher fejn tidħol is-sezzjoni ta’ dawk li huma indeċiżi hekk kif 5.4% tal-irġiel biss huma indeċiżi meta kkumparati ma’ 8.2% tan-nisa.

It-tilqima ghal kontra l-COVID diġa’ qed tingħata lill- frontliners, kif ukoll lill-anzjani vulnerabbli.