Lokali

“Aġir li jitlob għar-riżenja tal-Prim Ministru” – analisti politiċi

“Dan l-aġir jitlob għal riżenja tal-Prim Ministru u tad-Direttur tat-Taxxi Interni”.

Hekk saħaq il-lettur fl-Università ta’ Malta George Vital Zammit wara li Robert Abela ammetta li kien kellem lil Marvin Gaerty dwar it-taxxa ta’ dak li dak iż-żmien kien kandidat fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech.

Zammit saħaq li dak li għamel il-Prim Ministru issa fetaħ Pandora’s Box, jew fetaħ il-bibien għal elf ħaġa oħra.

F’diskussjoni waqt il-programm NETLIVE fuq Net Television, Zammit qajjem punt dwar membri tal-Gvern li jidhru li jnisslu dubju fuq il-livell ta’ ħajja li qed jgħixu, b’referenza għal persuni mill-kamp Laburista.

Tul dan il-programm, li b’mod esklussiv ħareġ l-aħbar tal-ammissjoni tal-PM, tkellmet ukoll Sylvana Debono, l-editor in chief ta’ Newsbook, illi staqsiet jekk Robert Abela ħasx l-istess dover li ħass din id-darba fil-konfront ta’ persuni oħra.

Debono qalet li l-Prim Ministru mhuwiex jiċħad dak li ntqal u staqsiet jekk Abela ħasx l-istess dover fil-konfront ta’ persuni oħra, bħal per eżempju s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, bħal ma ħass f’dan il-każ.

Minn naħa tiegħu, l-avukat Edward Debono qabbel dak li gie żvelat fl-ahhar 24 siegħa mal-iskandlu ta’ Watergate fl-Istati Uniti.

Hu qal li ma jippretendix li f’pajjiż demokratiku istituzzjonijiet indipendenti jintużaw biex isiru attakki fuq avversarji politiċi.