COVID: Ir-rata tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 fl-Ingilterra qed tħasseb bil-kbir lill-awtoritajiet lokali li qed jagħmlu li jistgħu biex irażżnu l-livell allarmanti ta’ każi li splodew bejn l-aħħar tal-ġimgħa u llum. Dan meta l-ħaddiema man-National Health Service qed isibuha diffiċli ħafna biex ilaħħqu man-numru tal-pazjenti li jinsabu fi ħtieġa urġenti ta’ trattament.
Nhar it-Tnejn kien ikkonfermat rekord ta’ madwar 41,500 każi ġodda tal-coronavirus fi żmien 24 siegħa madwar ir-Renju Unit u f’liema perjodu seħħew ukoll 357 mewta mill-virus. Iċ-ċifra allarmanti tfisser li din kienet l-ewwel darba li t-total tal-każi għal ġurnata qabeż l-40,000 fil-pajjiż.
Sadanittant, hemm ukoll xi data relatata mal-pandemija li għadha mhix kompluta minħabba li ċerti servizzi kienu waqfien għall-perjodu tal-Milied. Madankollu, l-awtoritajiet kważi kollha qed jaqblu li fl-aħħar ġranet seħħet żieda qawwija fl-infezzjonijiet bil-Covid-19 li qed titqies bħala ferm sinifikanti f’din il-fażi tal-ġlieda kontra l-pandemija.
Il-kelliema għall-NHS England qalu li l-ammont ta’ nies li qed ikunu trattati l-isptar għall-effetti tal-virus issa qabeż l-20,426 li hu ogħla mir-rekord preċedenti ta’ madwar 19,000 irreġistrat f’April li għadda. Intant, l-uffiċjali tas-saħħa f’Wales u l-Iskozja qalu li qed jissugraw li jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-faċilitajiet mediċi eżistenti ma jlaħħqux mal-influss tal-pazjenti.
Min-naħa tagħhom, it-tobba mal-Public Health England qalu li l-livell ferm għoli ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 bir-raġun qed iħasseb lil kulħadd, fi żmien meta l-isptarijiet għaddejjin mill-aktar mumenti kritiċi waqt li qed idaħħlu aktar persuni morda bil-coronavirus minn siegħa għall-oħra.
Is-sitwazzjoni xejn sabiha tal-pandemija qed tidher ukoll b’mod evidenti anke fl-Ewropa u ‘il hinn minnha. Dan meta l-Indja saret l-aħħar pajjiż li indika l-varjant ġdid tal-Covid-19 li kien identifikat għall-ewwel darba fir-Renju Unit u li issa nstab ukoll madwar l-Ewropa kif ukoll fil-Kanada u l-Korea t’Isfel.
Il-varjant għandu 70 fil-mija aktar probabbiltà li jinfetta lin-nies iżda s-sinjali huma li jista’ ikun trattat bil-vaċċini li għadhom kemm kienu żviluppati għal kontra l-coronavirus.
Fi żviluppi oħra, ir-Russja żvelat li ċ-ċifra tal-mejtin mill-Covid-19 hi tliet darbiet ogħla milli kien irrappurtat oriġinarjament. Dan waqt li Spanja qed tipprepara reġistru speċjali għan-nies kollha li jirrifjutaw li jingħataw it-tilqima kontra l-virus
Fi Franza il-membri tal-Kabinett qed jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ aktar mizuri restrittivi, meta l-Gvern f’Pariġi mhux jeskludi li jimponi t-tielet lockdown nazzjonali. L-awtoritajiet tas-saħħa fi Franza qed jistennew spike notevoli fin-numru ta’ infezzjonijet bil-Covid-19 wara l-festi tal-Ewwel tas-Sena.
//= $special ?>