Fl-aktar partita mistennija fis-16 –il ġurnata, Manchester United għelbu lil Wolves 1-0 b’gowl lejn it-tmiem ta’ Marcus Rshford. Fl-aħħar ħarġiet tagħhom iż-żewġ timijiet temmew fi draw kontra Leicester u Tottenham rispettivament. Kienu Manchester United li ħasbu li fetħu l-iskor fid-69 minuta meta minn corner d-daqqa ta’ ras ta’ Harry Maguire waslet għand Edinson Cavani li mill-viċin xeħet ġewwa bl-assistent referee jkun pront u jgħolli l-bandiera għal offside. Manchester United skorjaw il-gowl li tar-rebħa fit-92 minuta meta minn pass fit-tul ta’ Fernandes kien MARCUS RASHFORD li ra l-konklużjoni tiegħu tkun devjata għal wara Patricio.
Arsenal komplew fuq ir-riżultat pożittiv li kisbu kontra Chelsea b’ rebħa ta’ 1-0 barra minn darhom kontra Brighton & Hove Albion. Il-gowl uniku tal-partita wasal fis-66 minuta meta min cross minn fuq il-lemin ta’ Bukayo Saka, kien is-sostitut ALEXANDRE LACAZETTE li xeħet il-ballun fir-rokna tax-xibka għal 1-0. B’hekk Arsenal telgħu fit-13 –il post tal-klassifika tal-kampjonat Ingliż b’20 punt filwaqt li għal Brighton din kient il-ħames partita mingħajr rebħa, li tħallihom post biss il’ fuq miż-żona tar-relegazzjoni bi 13 –il punt.
Wara id-draw sorprendenti li kisbu fl-aħħar partita kontra Liverpool, West Bromwich Albion kienu umiljati f’darhom minn Leeds United bl-skor kbir ta’ 0-5. Leeds marru fil-vantaġġ fid-9 minuta meta ROMAINE SAWYERS tefgħa fil-lasta tiegħu stess f’tentattiv li jqassam lura lejn il-gowlkiper. It-tim ta’ Marcelo Bielsa rdoppja fil-31 minuta permezz ta’ EZGJAN ALIOSKI, biex ftit minuti wara Leeds għamluhom 3 permezz ta’ JACK HARRISON wara azzjoni maħduma tajba ma’ Patrick Bamford. Ħames minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima Leeds skurjaw ir-raba’ gowl meta xutt ta’ RODRIGO ġie mxellef għal ġewwa. Leeds skurjaw il-ħames u l-aħħar gowl fit-72 minuta meta minn b’xutt minn barra RAPHINHA għeleb lill-gowlkiper ta’ West Brom.
F’Turf Moor Burnley irritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Leeds meta għelbu lit-tim ta’ qiegħ il-klassifika Sheffield United 1-0. Għal Sheffield United din kienet l-14 –il telfa dan l-istaġun u kull partita li tgħaddi qed tidher aktar diffiċli li Sheffield United fl-istaġun li ġej jilgħabu fil-Premier League. Il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal fit-32 minuta meta minn corner minn fuq il-lemin ta’ Robert Brady kien BEN MEE li tefa’ ġewwa b’daqqa ta’ ras tajba. Minkejja l-isforzi ta’ Sheffield biex jidħlu fil-partita, Burnley għarfu jikkontrollaw l-partita biex b’hekk kisbu tliet punti importanti.
F’partita nieqsa minn azzjonijiet denja ta’ nota, fis-St. Mary’s Stadium, Southampton u West Ham United qasmu l-punti hekk kif temmew fi draw ta’ mingħajr gowls. Għal Southampton dan kien it-tieni draw konsekuttiv hekk kif fl-aħħar partita temmew fi draw ta’ 0-0 kontra Fulham. Għal West Ham dan ukoll kien it-tieni draw konsekuttiv wara li fl-aħħar partita temmew fi draw ta’ 2-2 f’darhom kontra Brighton. B’dan id-draw, iż-żewġ timijiet baqgħu fl-istess pożizzjoni fil-klassifika bi tliet punti biss jifirdu liż-żewġ timijiet.
PREMIER LEAGUE
Ilbieraħ: Crystal Palace v Leicester 1-1, Chelsea v Aston Villa 1-1, Everton v Man City posp. Illum: Brighton v Arsenal 0-1, Burnley v Sheff. United 1-0, Southampton v West Ham 0-0, WBA v Leeds 0-5, Man Utd v Wolves 1-0 Għada: Tottenham v Fulham 7.00pm, Newcastle v Liverpool 9.00pm