Futbol Sport

Ħarsa lejn ċ-champions tal-kampjonati ewlenin fl-2020

(Ritratt: Getty Images)

L-2020 kienet sena partikolari minħabba li l-pandemija tal-coronavirus ġabet tibdil u anke waqqfet u saħansitra kkanċellat bosta avvenimenti u kampjonati tal-futbol li kienu qed isiru u dawk li kienu se jsiru.

F’pajjiżna Floriana rebħu s-26 titlu tagħhom wara 27 sena. Il-Kampjonat BOV Premier twaqqaf f’Marzu malli feġġew l-ewwel każijiet ta’ coronavirus f’pajjiżna, bir-rebbieħa tal-Kampjonati ewlenin f’pajjiżna jkunu deċiżi wara vot straordinarju fil-Kunsill tal-MFA.
Fl-Ingilterra wara nuqqas ta’ aktar minn 30 sena, Liverpool saru champions tal-Premier League fi staġun memorabbli għat-tim ta’ Jurgen Klopp fejn waqqfu rekord ġdid tal-aktar tim li rebaħ partiti konsekuttivi fil-Premier League, fejn rebħu 18-il partita.
Fl-Italja, Juventus rebħu s-Serie A għad-disa’ staġun konsekuttiv u s-36 wieħed fl-istorja tagħhom taħt it-tmexxija tal-kowċ Maurizio Sarri, bi Cristiano Ronaldo jkun il-plejer prinċipali fit-tim minn Turin fejn skorja 31 gowl fl-ewwel staġun tiegħu fis-Serie A.
Fil-Ġermanja, Bayern Munich komplew bid-dominanza tagħhom fil-futbol Ġermaniż fejn rebħu l-Bundesliga għat-tmien darba konsekuttiva u t-30 wieħed fl-istorja tal-klabb. Bayern Munich kienu wkoll dominanti fl-Ewropa fejn rebħu l-UEFA Champions League.
Fi Franza, PSG rebħu d-disa’ kampjonat domestiku fl-istorja tal-klabb, bl-istaġun fi Franza bħalma ġara f’pajjiżna ma tkompliex minħabba l-pandemija tal-coronavirus.
Fi Spanja, Real Madrid rebħu l-34 titlu tal-La Liga fl-istorja tal-klabb, bil-waqfa f’Marzu għenet mhux ftit lit-tim ta’ Zinedine Zidane hekk kif minn meta tkompla l-kampjonat f’Ġunju, Real Madrid irnexxielhom inaqqsu d-distakk ta’ punti minn ma’ Barcelona u jirbħu l-kampjonat b’vantaġġ ta’ ħames punti.
Minbarra l-Bundesliga, Bayern Munich rebħu wkoll il-UEFA Champions League għas-sitt darba fl-istorja tagħhom, b’rebħa ta’ 1-0 fuq PSG biex b’hekk aċċertaw mit-treble wkoll.
Sevilla rebħu l-UEFA Europa League għas-sitt dabra fl-istorja tal-klabb wara rebħa ta’ 3-2 fuq Inter fil-finali.