Lokali Parlament

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali għadu Deputat fil-Parlament

Edward Scicluna, li llum nħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali u jibda fil-kariga minn nhar il-Ġimgħa, għadu Deputat fil-Parlament.

Fil-15 ta’ Diċembru, Edward Scicluna għamel dak li kien jidher l-aħħar diskors tiegħu fil-Parlament, b’diversi ġurnali u portals jirrapportawh bħala tali.

Iżda hekk kif qed noqorbu għas-Sena l-Ġdida u l-ftuħ mill-ġdid tal-Parlament wara l-vaganzi tal-Milied, Edward Scicluna – maħtur ukoll bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali – għadu Deputat fil-Parlament.

Net News kiseb informazzjoni li Scicluna għadu ma tax ir-riżenja tiegħu. Dan il-portal staqsa lill-iSpeaker Anġlu Farrugia u l-iSkrivan tal-Kamra jekk fil-fatt ingħatawx ittra ta’ riżenja minn Edward Scicluna.

Ftit ħin wara, iwieġeb l-iSpeaker innifsu u ikkonferma li sa issa, Edward Scicluna għadu ma bagħatx l-ittra tar-riżenja. Li jfisser li għadu Deputat u se jkun qed jaħdem u jirċievi żewġ salarji, kemm bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali, kif ukoll l-onorarja bħala backbencher tal-Gvern.

Dan minbarra sitwazzjonijiet li jistgħu joħolqu kunflitt fiż-żewġ rwoli.

L-Att dwar il-Bank Ċentrali huwa ċar fejn jidħol il-Membri tal-Bord tad-Diretturi fejn fl-Artiklu 9  jingħad li ħadd mid-Diretturi ma’ jista’ jkun nominat jew jibqa’ direttur jekk ikun Membru Parlamentari.

Is-sitwazzjoni mhux daqshekk ċara fejn jidħlu l-karigi ta’ Gvernatur u Deputat Gvernatur. Filwaqt li Artiklu 9 jagħmel referanza diretta għal Membru Parlamentari, Artiklu 8 jgħid li l-Gvernatur u Deputat Gvernatur għandhom jagħtu l-ħin professjonali tagħhom kollu għas-servizz tal-Bank u ma jokkupaw ebda kariga oħra, sew jekk b’kumpens sew jekk le.

Madanakollu l-istess Artiklu jgħid li Gvernatur u Deputat Gvernatur jistgħu joqogħdu fuq Bord, Kummissjoni jew Kumitat, jekk l-attivita’ ma’ toħloqx kunflitt mal-qadi ta’ dmirijiethom. Huwa l-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali stess li jistabilixxi jekk hemmx kunflitt jew le bejn il-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali u li tifforma parti minn xi kumitat jew bord.