Lokali

“Il-Prim Ministru qed jaħrab u jipprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel” – Bernard Grech

“Il-Prim Ministru llejla reġa’ pprova jgħatti x-xemx bl-għarbiel. Qed jaħrab mill-isfida li għandu quddiemu.”

Hekk wieġeb il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għall-kummenti li ta l-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar ħin lil Maltatoday.

Wara li għat-tieni darba, Abela ma kienx komdu jwieġeb għall-mistoqsijiet mibgħuta lilu minn Net News, fosthom li jistaqsu jekk hux se jippubblika r-returns tat-taxxi tiegħu, lil Maltatoday Abela qallhom li dawn jinsabu għand l-ispeaker.

F’risposta immedjata fuq Facebook Bernard Grech kiteb li l-Prim Ministru jaf li fil-Parlament hemm returns tat-taxxa tiegħu mill-2017 ‘il quddiem biss – minn meta sar deputat parlamentari.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li tas-snin ta’ qabel huwa biss Robert Abela li jista’ jippubblikahom.

Fil-Parlament m’hemmx returns tal-VAT tal-ebda sena u lanqas rendikont ta’ talbiet tar-refunds tal-VAT li setgħu saru minnu fl-aħħar snin.

Bernard Grech saħaq li issa li l-Prim Ministru nqabad jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu, qed jara kif jagħmel biex jipprova jiddevja l-iskrutinju minn fuqu.