Internazzjonali

KROAZJA: Terremot qawwi ta’ saħħa 6.3 jħalli tal-anqas tifla mejta

Terremot ta’ 6.3 fuq l-iskala Richter heżżeż partijiet mill-Kroazja, qrib iil-kapitali Zagreb.

L-ewwel rapporti qed jindikaw li t-theżżiża, li nħasset it-Tlieta, ħalliet tal-anqas tifla mejta, b’mijiet maħsuba maqbuda f’binjiet li ġġarfu.

It-theżżiża ssegwi waħda ta’ 5.2 fuq l-iskala Richter li nħasset it-Tnejn.

Jidher li dak li seħħ it-Tlieta ħalla ħafna ħsarat f’binjiet li spiċċaw b’soqfa mwaqqa’ jew saħansitra kompletament imġarrfa.

Is-sindku ta’ wieħed mill-irħula milquta qal li ċ-ċentru tar-raħal m’għadux jeżisti. ‘Qisu Hiroshima’, kompla jgħid is-sinku, ‘nofs ir-raħal spiċċa għal kollox’.

Ħaddiema tas-salvataġġ għaddejjin b’ħidma kontra l-ħin biex jaraw li joħorġu lil min inqabad f’binjiet imġarrfa. S’issa mhux magħruf kemm hemm persuni maqbuda fit-tiġrif.

It-theżżiża nħasset ukoll fil-pajjiżi ġirien – is-Serbja, il-Bosnia u s-Slovenia.