Internazzjonali

Stati Uniti: Joe Biden jakkuża lid-Dipartiment tad-Difiża b’aġir irresponsabbli

Il-President-elett tal-Istati Uniti Joe Biden akkuża lid-Dipartiment tad-Difiża Amerikan dwar aġir irresponsabbli fost l-insistenza li dan id-dipartiment naqas milli jipprovdi l-informazzjoni lill-amministrazzjoni ġdida li qed tħejji biex tieħu l-poter f’Washington.

Biden, li, fl-20 ta’ Jannar, mistenni jieħu l-ġurament bħala s-46 President tal-Istati Uniti, qal li hu u l-uffiċjali tiegħu qed iħabbtu wiċċhom ma’ ostakoli min-naħa tat-tmexxija politika preżenti.

Intant, Biden qal ukoll li l-aġenziji li huma kruċjali għas-sigurtà tal-Istati Uniti sofrew daqqa ta’ ħarta kbira taħt it-tmexxija ta’ Donald Trump li tilef l-elezzjoni ta’ Novembru għall-Presidenza u li wasal biex jikkonkludi l-perjodu ta’ tmexxija fuq bażi nazzjonali.

Madankollu, kelliema għall-Pentagon f’Washington irrifjutaw l-akkuża ta’ Biden u sostnew li huma baqgħu kompletament trasparenti waqt it-tranżizzjoni tal-poter.

Dan meta l-President Trump għadu jirrifjuta li jammetta t-telfa fl-elezzjoni u meta kien biss ftit tal-ġimgħat ilu li hu ippermetta li jsir il-proċess formali għat-tranżizzjoni tal-poter fl-Istati Uniti.