Id-deputati fil-House of Commons approvaw il-ftehim kummerċjali tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea għal wara Brexit, permezz ta’ vot speċifiku li sar fil-Parlament ta’ Londra.
L-abbozz biex il-ftehim inkwistjoni jsir applikabbli bħala liġi fir-Renju Unit għadda mill-ewwel ostakolu b’521 vot kontra 73. Qed jidher li l-maġġoranza tad-deputati Laburisti fl-Oppożizzjoni ukoll ivvutaw favur il-ftehim wara li l-Kap Laburista Sir Keir Starmer tenna li ‘il-patt mal-Ewropa fil-forma preżenti jibqa’ dejjem aħjar minn sitwazzjoni ta’ no-deal’.
Ir-Renju Unit, b’hekk, wasal biex jaqta’, uffiċjalment, kull irbit mal-Unjoni Ewropea — b’dan għandu jkun ikkonfermat ftit qabel nofs-il lejl ta’ għada, il-Ħamis. It-tragward storiku se jkun irrealizzat proprju erba snin u nofs wara r-referendum storiku dwar Brexit — fejn il-Britanniċi vvutaw biex jieħdu lura l-kontroll ta’ pajjiżhom bħala poplu indipendenti.
Il-ftehim imfassal ma’ Brussell iwitti t-triq għal relazzjoni ġdida bbażata fuq il-kummerċ u s-sigurtà, bir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw il-futur bħala sieħba ewlenin. L-abbozz magħruf bħala l-EU Future Relationship Bill hu intiż li jgħaddi mill-Parlament ta’ Londra f’ġurnata waħda u se jkun ikkonfermat bħala liġi ladarba jingħata s-siġill jew approvazzjoni rjali.
Min-naħa tiegħu, Keir Starmer, li kien oppona għal Brexit, qal li d-deputati Laburisti qed jittamaw li dan il-ftehim jista’ jifforma l-bażi għal relazzjoni soda fuq livell bilaterali li jissodisfa lir-Renju Unit u l-pajjiżi-membri tal-Unjoni.
Intant, Keir Starmer akkuża lill-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, b’li ħalla fid-dlam lill-poplu dwar diversi aspetti tal-ftehim li skont hu għandhom iwasslu għal ħafna burokrazija żejda fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Johnson qal li t-trattat se jippermetti lir-Renju Unit biex jaġixxi bħala pajjiż sovran bid-dritt għall-kummerċ ħieles mal-Unjoni Ewropea. Johnson, fl-istess ħin, enfasizza l-importanza li r-Renju Unit iħares lejn il-futur b’fiduċja iżda mingħajr ma jinjora l-fatt li jifforma parti minn dinja li saret tibbaża dejjem aktar fuq l-interkonnettività.
Hu kompla li l-ftehim jesiġi għall-bidliet sinifikanti u li minnhom, fost oħrajn, għandhom igawdu l-esportaturi Britanniċi li huma ħolqa importanti fil-kummerċ tar-Renju Unit mal-kumplament tad-dinja. Hu minnu, intant, li l-ftehim se jaffettwa wkoll il-mod kif in-nies ivvjaġġaw mir-Renju Unit sal-Istati tal-Unjoni u lura, flimkien ma’ aspetti tax-xogħol fis-setturi rispettivi.
Il-Parlament Ewropew, fl-istess ħin, beda l-iskrutinju tal-ftehim mar-Renju Unit iżda mhux se jkollu ċ-ċans li jirratifikah qabel ir-Renju Unit joħroġ ‘formalment’ mis-suq ewlieni u l-unjoni doganali. Madankollu, il-ftehim ingħata l-approvazzjoni unanima mill-ambaxxaturi tas-27 Stati membri tal-Unjoni, b’dawn il-pajjiżi jressqu wkoll l-approvazzjoni tagħhom bil-miktub.
//= $special ?>