Internazzjonali

Franza: L-ebda soluzzjoni militari għall-kriżi tal-Libja

It-Tmexxija ta’ Franza qed issejjaħ biex l-entitajiet tal-ġellieda fil-Libja jissieħbu fl-isforzi lejn it-tisħiħ tal-proċess politiku – taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti – bil-għan li l-pajjiż Afrikan jersaq lejn l-istabbilità wara snin konsekuttivi ta’ gwerra.

L-appell ewlieni – li hu appoġġjat minn pajjiżi oħra — hu biex il-gruppi armati fil-Libja jżommu lura minn aktar azzjonijiet ostili.

L-istqarrija ħarġet fost it-tħassib dwar l-aħħar kummenti u theddid min-naħa tal-Kap militari Libjan, Khalifa Haftar, kontra l-qawwiet tat-Turkija fl-artijiet tal-Libja. Haftar hu l-mexxej tal-Armata Libjana tal-Lvant li damet aktar minn sena tassedja l-belt kapitali ta’ Tripli u l-Ministeru Franċiż għall-Affarijiet Barraniun, issa, saħaq li ‘ma teżisti l-ebda soluzzjoni militari għall-kriżi tal-Libja’.

Numru ta’ pajjiżi, fosthom Franza, qed jesiġu biex in-naħat Libjani rispettivi – u l-entitajiet kollha konċernati – jagħtu priorità sħiħa lill-implimentazzjoni tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied (fil-Libja) li ntlaħaq, f’Ġinevra ( fl-Iżvizzera), fit-23 ta’ Ottubru.

Il-ftehim jesiġi għat-tluq tal-qawwiet barranin kollha – u b’mod partikulari l-ġellieda merċenarji – fil-Libja u biex ikun konkluż il-proċess politiku għal dan il-pajjiż taħt l-awspiċi tan-NU.

Appell ewlieni ieħor – minbarra s-sejħa biex jieqfu l-azzjonijiet ostili – hu biex jinħatar Gvern ġdid għal-Libja u biex ikunu organizzati l-elezzjonijiet ‘fiż-żmien xieraq’ f’dak il-pajjiż – jiġifieri fl-24 ta’ Diċembru tal-2021.

Intant, ir-rimarki ta’ Khalifa Haftar fil-konfront tal-qawwiet Torok fil-Libja komplew iqanqlu preokkupazzjoni u reazzjonijiet verbali. L-aktar kumment inkwetanti ta’ Haftar kien jinvolvi t-talba lis-sostenituri armati tiegħu ‘biex ikeċċu lill-militar Tork mit-territorji Libjani’.

Il-Ministru tad-Difiża tat-Turkija, Hulusi Akar, dritt wara d-diskors ta’ Haftar, kien għamel żjara sorpriża fil-Libja u wieġeb fil-pront għat-theddida tal-kap militari Libjan. Hulusi Akar għamilha ċara li kwalunkwe att ostili fil-konfront tas-suldati Torok fil-Libja għandu jfisser li l-aggressur inkwistjoni se jispiċċa mira leġittima għall-Gvern tat-Turkija u l-qawwiet tiegħu.