Il-bars u l-clubs f’Malta se jibgħu mgħaluqin sal-bidu ta’ Frar li gej. Dan ġie konfermat mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci waqt il-bulletin mediku tal-Erbgħa.
Din il-konferma tal-estenzjoni tasal fil-ġurnata li sirna nafu li f’pajjiżna hawn każi tal-varjant il-ġdid tal-COVID-19 li jidher li jittieħed minn persuni għall-oħra aktar mill-ewwel tip ta’ virus li tista’ tgħid biddel id-dinja. Dan il-fattur qed jinkwieta diversi esperti tas-saħħa. Dan wassal biex numru ta’ pajjiżi qed jgħażlu li jimponu numru ta’ restrizzjoni jew iġeddu dawk li diġa kienu fis-seħħ.
Is-sidien tal-bars u klabbs kienu diġa jinsabu f’inċertezza minħabba l-estenzjoni primarja li kienet saret mingħajr ma kienu infurmati qabel, fejn il-bars u postijiet ta’ divertiment ingħalqu mill-aħħar ta’ Ottubru u inizjalment kienu pjanati li jiftħu mill-ġdid fil-bidu ta’ Dicembru. Din id-data kienet estiża fl-aħħar ġimgħat sal-bidu ta’ Jannar.
L-incertezza tas-sidien tal-bars u l-klabbs kompliet tikber issa li saru jafu li l-bars għalissa se jibqgħu mgħaluqin sa’ Frar.