Lejlet il-Milied, pajjiżna tilef isem li se jibqa’ sinonimu mal-ġudikatura Maltija – l-Imħallef J.J. Cremona, li miet fl-età ta’ 102.
Cremona serva għal snin bħala Prim Imħallef, u qabel l-Indipendenza kien figura kruċjali biex issawret il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
L-Erbgħa ingħata l-aħħar tislima J.J. Cremona – Tul il-quddiesa tal-funeral fil-Knisja Parrokjali tal-Lunzjata f’Ħal Tarxien, il-Prim Imħallef Emeritus ġie deskritt bħala persuna li kien ta ħafna lil Malta, u kien wara kollox kburi mhux ħażin li kien nisrani.
J.J. Cremona serva għal bosta snin bħala Imħallef, Prim Imħallef, Avukat Ġenerali u Viċi President tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Mexxa wkoll il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali. Apparti xogħolu fil-Qorti, J.J. Cremona kien ukoll espert tal-istorja, dan apparti l-intellet letterarju li kellu fil-Malti, l-Ingliż u t-Taljan.
Il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tal-Prim Imħallef Emeritu J.J. Cremona, u ddeskrivih bħala persuna ta’ figura kruċjali sabiex issawret il-Kostituzzjoni.
