Matul is-sena 2020, l-pandemija tal-COVID-19 ħolqot biża’ kbira minn ħafna aspetti…. kienu ħafna li ffukaw fuq is-saħħa fiżika… iżda ftit ikkunsidraw kemm din ħalliet impatt fuq is-saħħa mentali.
Net News tkellem mat-Tabib fis-Saħħa Mentali, Gabriel Ellul li spjegalna li kien hemm tliet fatturi ewlenin li ħolqu biża’ f’din is-sitwazzjoni.
“Il-biża’ tal-Covid innifsiha ħolqot ċertu anzjetà, tewdin u inwkiet. Il-biża’ ta’ kif jaffetwak meta jolqtok. Il-biża’ ta’ restrizzjonijiet soċjali. Kien hemm neis li l-impjieg tagħhom spiċċa mitluf, oħrajn spiċċaw li l-ħajja tagħhom ġiet ristretta. It-tielet fattur importanti hu l-iżolament soċjali. Fejn qabel il-persuna li kienet tgħid kelma, u anzjani li kienu jżuruhom il-qraba issa spiċċaw iktar weħidhom.”
Gabriel Ellul qallilna li hekk kif il-COVID-19 kienet tidher li se tibda tħalli l-effetti tagħha fuq is-saħħa mentali, bdew jagħtu kull għajnuna possibli.
“Għandek dawk li ġew affetwat direttament, fiżikalment bil-virus allura hemmhekk l-għajnuna tista’ ttiha ovjament f’ċertu distanza permezz ta’ teleconsultation u psikoterapija, li bdiet tingħata permezz ta’ zoom u għodda ġodda. Aħna provajna nilħqu dawn il-popolazzjonijiet li huma iktar vulnerabbli u iktar żvantaġġjati minħabba l-virus innifsu.”
It-tabib fis-saħħa mentali qal li problemi fis-saħħa mentali jiddependu wkoll mill-karattru tal-persuna.
“Dik l-inċertezza ġelitna nidħlu iktar f’qoxortna u ovjament dik tħalli r-riperkussjoni fuq is-saħħa mentali ta’ kulħadd. Anke skont il-karattru. Hemm ċertu nies li joqgħodu iżjed fuq l-istabbiltà u l-ċertezza u oħrajn iħobbu iktar dik is-sens ta’ avventura.”
Ellul ħeġġeġ biex wieħed ma jħarisx biss lejn in-negattiv ta’ din is-sitwazzjoni iżda wkoll li jara l-pożittiv.
“Permezz ta’ din il-pandemija ġejna sfurzati nivvintaw affarijiet ġodda kif ngħix ħajjitna. U forsi qed napprezzaw iktar kif dak is-serħan tal-moħħ li qabel il-pandemija konna ntuh inqas importanza.”
It-Tabib Ellul wassal l-appell tiegħu.
“Il-problemi kawża tal-pandemija żdiedu, l-inċertezzi żdiedu wkoll. U għalhekk jekk nipprovaw nifhmu lil xulxin u jkolna iktar paċenzja lejn xulxin, dik se tgħina sabiex nelbu din il-kriżi flimkien. Fejn nistgħu nikkuntatjaw lil dawk li diġa’ nafu li huma daqsxejn imwarba, anke telefonata jaf tagħmel differenza fil-ħajja tal-oħrajn.”
Intant, minn stħarriġ li sar mill-kumpanija ta’ ricerka bl-isem Esprimi b’parteċipazzjoni ta’ iktar minn elf persuna, 78 fil-mija qalu li r-rutina ta’ kuljum tħarbtet minħabba l-virus, 76 fil-mija ħassewhom anzjużi filwaqt li 72 fil-mija ħassew li saħħithom kienet f’riskju.

