Internazzjonali

Kif inhi s-sitwazzjoni fil-Kroazja wara t-terremot?

L-Unjoni Ewropea se tkun qed toffri sostenn dirett lill-Gvern tal-Kroazja wara t-terremot devastanti li din il-ġimgħa heżżeż pajjiż sħiħ.

L-aħħar rapporti qed jindikaw li huma mill-inqas 7 il-vittmi ta’ dan it-terremot li kejjel saħħa ta’ 6.4 fuq l-Iskala Richter.

Net News tkellem mal-Kap tat-Aħbarijiet ta’ Sports Television fil-Kroazja, Jura Ozmec fejn esprima kif saħansitra tagħmir ġdid li ġabu fl-aħħar jiem spiċċaw intradmu taħt it-terrapin. Hu qalilna x’esperjenza hu l-mument li seħħ it-terremot.

It-timijiet ta’ emerġenza qattgħu il-lejl ifittxu qalb it-tigrif għal persuni li possibilment kienu għadhom maqbuda. Fost il-vittmi, kien hemm tifla ta’ 12-il sena li mietet fil-belt ta’ Petrinja… qrib l-epiċentru tat-terremot. Vittma ohra instabet taht it-tifrik ta’ knisja fil-villagg ta’ Zazina. It-tfittxija għan-nies għadha għaddejja.

Il-biża’ fost in-nies tant hi kbira li ħafna spiċċaw raqdu fil-karozzi tagħhom, filwaqt li kien hemm postijiet – inkluż baracks tas-suldati – li inbidlu f’dormitorji.

Jura Ozmec qal li qed jittamaw li fi żmien xahrejn jew tlieta, il-pajjiż jerġa’ jkompli l-ħajja kif kienet qabel seħħew it-terremoti.

Intant, is-Sindku ta’ Petrinja stqarr li nofs il-belt tinsab borg gebel… u l-ħsarat huma enormi. Kien għalhekk li l-Erbgħa, il-Kummissarju Ewropew Janez Lenarcic, żar il-postijiet milquta u wiegħed għajnuna immedjata.