Lokali Saħħa

Mewta oħra b’kaġun tal-Covid-19 – 124 każ ġdid

Ifeġġ il-varjant f'pajjiżna - il-vittmi tal-Covid jitilgħu għal 216.

L-Erbgħa ġie mħabbar li f’Malta nstabu 3 każijiet tal-varjant tal-Covid-19 li kien instab fir-Renju Unit. Il-każijiet li nstabu jinsabu f’iżolament u fi kwarantina.

Jirriżulta li t-tielet każ rreġistrat tal-varjant il-ġdid tal-coronavirus kien ta’ mara ta’ 75 sena u l-awtoritajiet bħalissa għaddejjin bl-investigazzjonijiet biex jaraw minn fejn il-mara ħadet dan il-varjat tal-virus – iż-żewġ każijiet l-oħra huma barranin li kienu ġew mir-Renju Unit fid-19 ta’ Diċembru.

Vittma oħra tal-Covid-19

Intant ġie mħabbar ukoll li fil-gżejjer Maltin kellna fatalità oħra b’kaġun tal-Covid-19 biex issa n-numru ta’ vittmi tal-imxija tela’ għal 216.

Il-vittma hija mara ta’ 93, li nstabet pożittiva għall-Covid-19 fit-22 ta’ Diċembru, u li mietet fl-isptar Good Samaritan. 

Fl-aħħar sigħat kellna 124 każ ġdid tal-Coronavirus, filwaqt li fiequ 138 persuna. It-total ta’ każijiet li kellna s’issa huwa 12,665 filwaqt li minn Marzu ‘l hawn fiequ 11,057. Il-każijiet attivi huma 1,392.

Tul il-bulletin mediku il-Professur Charmaine Gauci qalet li bħalissa f’Għawdex hemm 87 każ attiv, u li bħalissa fl-isptar Mater Dei hemm 63 persuna, 12-il persuna fl-ITU, 8 fl-IDU u 43 fil-wards apposta tal-istess sptar.

Hija fost l-oħrajn tat dettalji tal-aktar etajiet li nstabu pożittivi għall-Covid mill-aħħar bulletin mediku ‘l hawn… l-etajiet huma bejn il-25 u l-34 sena.

Intant il-Professur Charmaine Gauci ħabbret ukoll fl-aħħar jiem saru numru ta’ attivitatjiet soċjali… u qalet li 8 każijiet ta’ anzjani nstabu pożittivi għall-pandemija wara li attendew attività ta’ tombla.

Estensjoni tal-avviż legali

Il-Professur Gauci ħabbret li l-Gvern se jippubblika l-estensjoni tal-avviż legali li jgħid li l-bars u l-każini se jkollhom jibqgħu magħluqa sal-1 ta’ Jannar. Din id-data suppost għandha tkun estiża għall-1 ta’ Frar.

Intant hija mill-ġdid appellat biex f’dan iż-żmien ta’ festi ma jsirux festini u gatherings, speċjalment f’lejlet l-ewwel tas-sena….