Edward Scicluna rriżenja minn Membru Parlamentari l-Erbgħa filgħodu wara storja li kienet ippubblikata f’Net News it-Tlieta fuq kif Edward Scicluna nħatar bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali iżda kien għadu ma rriżenjax minn Deputat fil-Parlament.
Iżda huma bosta sorsi li qed jindikaw li hemm kontroverzja fi ħdan il-Partit Laburista… kontroverzja li qed jipprova jżomm taħt it-tapit, hekk kif s-sena d-dieħla taf iġġib magħha elezzjoni każwali fuq is-seba’ distrett, biex jimtela s-siġġu Parlamentari tal-eks Ministru Edward Scicluna.
Bħalissa huma ħafna l-indikazzjonijiet li hemm tliet kandidati prospettivi… u wieħed minn dawn huwa l-eks Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi, li ma kienx tħalla jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-2019 f’isem il-Partit Laburista.
Fl-aħħar elezzjoni Ġenerali Charles Azzopardi ġab it-tieni l-ogħla ammont ta’ voti fl-ewwel għadd, wara dawk li diġà ġew eletti. Huwa kiseb 584 vot. Qablu hemm Gavin Gulia bi 848 vot, filwaqt li warajh hemm Jeffrey Pullicino Orlando b’572 vot.
Madanakollu, il-Partit Laburista ma jistax iwaqqaf lil Azzopardi milli jitfa’ n-nomina tiegħu biex jieħu s-siġġu ta’ Edward Scicluna u jekk jitla’, isib postu bħala deputat Parlamentari.
Ma jistax ikun ekluż ukoll li minflok issir elezzjoni każwali issir co-option. Infatti manuvri ta’ dan it-tip fi ħdan il-Partit Laburista ilhom ghaddejjin ix-xhur….fejn diġà kien hemm żewġ okkażżjonijiet meta minflok elezzjoni każwali saret co-option – dan ġara biex jimtlew is-siġġijiet ta’ Joseph Muscat u Etienne Grech hekk kif intagħżlu Miriam Dalli u Clyde Caruana.
//= $special ?>