Id-deċiżjoni tal-Gvern li jbiddel Avviż Legali li ġie ppubblikat ftit jiem qabel il-Milied dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza hi deċiżjoni li ttieħdet mill-Gvern għax inqabad jaħbi.
Minkejja dan il-Gvern xorta waħda se jibqa’ jżomm sigriet l-ismijiet ta’ dawk li jkunu xtraw iċ-ċittadinanza Maltija billi l-pubblikazzjoni tagħhom issir f’lista twila li tinkludi lil dawk kollha li jkunu saru ċittadini Maltin minħabba żwieġ, dixxendenza jew wara numru kbir ta’ snin jgħixu f’pajjiżna.
Dan apparti l-fatt li l-lista tiġi ppubblikata aktar minn sena wara; pereżempju sal-aħħar ta’ din is-sena se tiġi ppubblikata l-lista ta’ dawk il-persuni li jkunu saru ċittadini Maltin matul is-sena 2019.
Jekk il-Gvern irid ikun tassew trasparenti, għandu jilqa’ l-proposta tal-Oppożizzjoni u minnufih jibda jippubblika b’mod ċar u separat l-ismijiet tal-persuni kollha li jkunu saru ċittadini Maltin kull tliet xhur kif kien isir sal-2013.
L-Oppożizzjoni pproponiet ukoll li biex il-proċess ta’ due diligence ikun wieħed aktar trasparenti u effettiv, l-ismijiet tal-persuni li japplikaw għaċ-ċittadinanza Maltija għandhom jibdew jiġu ppubblikati meta japplikaw għaċ-ċittadinanza u mhux biss wara li jingħataw iċ-ċittadinanza.
Jekk il-Gvern ma jagħmilx hekk, l-istqarrija tiegħu dwar aktar trasparenza u governanza tajba tkun biss kliem fieragħ u konferma li l-Gvern se jkompli jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
//= $special ?>