Lokali

“Awguri għal sena ta’ qawmien mill-ġdid” – Bernard Grech

Is-sena d-dieħla għandha tkun sena ta’ qawmien mill-ġdid għad-dinja u għal pajjiżna. Irridu nieħdu tagħlimiet kbar minn dak kollu li seħħ ħalli ma jkunx seħħ għalxejn.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fil-messaġġ tiegħu lill-poplu Malti għall-Ewwel tas-Sena l-ġdida. Hu appella biex inħarsu ’l quddiem wara din ix-xitwa qalila li għaddejjin minnha u meta tieqaf din il-maltempata, noħorġu minn djarna biex nifirħu u niċċelebraw.

Fil-messaġġ tiegħu, Bernard Grech esprima s-simpatija u s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk kollha li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom matul is-sena … telfa li f’dawn il-ġranet tinħass aktar. Għax sew nirraġunaw, tenna, li kieku ma kinitx il-pandemija, dawn għadhom magħna. U minkejja l-kundizzjoni vulnerabbli tagħhom, konna ngawduhom għal aktar snin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lil dawk kollha li minkejja r-riskji personali, fil-mument tal-prova sibnihom hemm lesti biex iservuna, jgħinuna, jikkurawna u jduru bina. Ringrazzjament ukoll lill-għalliema, iżda wkoll lill-ġurnalisti, li f’dawn ix-xhur tal-pandemija komplew iwasslu l-aħħar aġġornamenti dwar is-sitwazzjoni medika f’pajjiżna u madwar id-dinja.

Bernard Grech wassal ukoll messaġġ ta’ tama … żmien li issa jidher li hu fil-qrib grazzi għall-vaċċin, li mistenni jgħin mhux ftit fil-prevenzjoni tat-tixrid ta’ dan il-virus. Madankollu, wissa li ma jfissirx li għadda kollox, iżda li rridu nibqgħu viġilanti u b’hekk inkunu nistgħu nerġgħu nibdew nippjanaw ħajja li tixbah lil dik li kellna sa sena ilu.

Sadanittant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż, f’sena li bdiet bir-riżenja ta’ Prim Ministru u l-ħatra ta’ wieħed ġdid … fejn sellem partikolarment lis-soċjetà ċivili għall-ħidma li wettqu biex seta’ jseħħ dan l-iżvilupp.