Il-firxa tal-pandemija fi xtutna qed tkompli tħalli aktar vittmi filwaqt li komplew jiżdiedu l-każijiet.
Dan hekk kif tul ix-xahar ta’ Diċembru s’issa tilfu ħajjithom rekord ta’ 82 persuna kawża tal-Covid-19, 7 aktar meta ċ-ċifri ġew mqabbla mal-75 vittma li tilfu ħajjithom tul ix-xahar ta’ Novembru.
Dan kollu wara li l-Ministeru għas-Saħħa fuq il-paġna ta’ Facebook ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom 3 persuni oħra, żewġt irġiel u mara.
Fl-ewwel każ, anzjan ta’ 83 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fil-5 ta’ Diċembru, miet tul il-jum tal-Erbgha fl-Isptar Mater Dei.
Fit-tieni każ, raġel ta’ 67 sena, li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fis-26 ta’ Diċembru, miet kmieni l-Hamis, hamest ijiem wara, fl-Isptar Mater Dei.
Fit-tielet każ, anzjana ta’ 87 sena, li kienet ikkonfermata pożittiva għall-Covid-19 fis-17 ta’ Diċembru, mietet aktar kmieni l-Hamis fl-Isptar Mater Dei wkoll.
Fix-xahar ta’ Diċembru kellna rekord ta’ mwiet.. bit-total ikun ta’ 82 – 7 aktar mix-xahar ta’ Novembru.
Dan filwaqt li tħabbar ukoll li bejn l-Erbgħa u l-Ħamis ġew irreġistrati 109 każi ġodda, sabiex b’hekk il-każi totali minn Marzu ‘l hawn jammontaw għal 12,774.
Fl-aħħar 24 siegħa fiequ 64 u għaldaqstant, l-ammont totali ta’ persuni mfejqa mill-Covid-19 f’pajjiżna jammontaw għal 11,121.
Dan ifisser li meta jiġi kkalkolat kemm fiequ persuni flimkien mal-vittmi, il-każi attivi jammontaw għal 1,434.
Intant, mit-124 każ ġdid imħabbar tul il-jum tal-Erbgħa; 35 kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittiv preċedentament, 14-il każ minn fuq il-post tax-xogħol, 12-il każ minn kuntatti diretti u 10 każi oħra minn attivitajiet soċjali.
Dan ifisser li 97 persuna ma jafux minn fejn jew mingħand min ġew infettati bil-virus tal-Covid-19.
Intant, minkejja r-restrizzjonijiet kollha mħabbra tul l-aħħar ġimgħat fosthom l-ilbies tal-maskri obbligatorju u l-għeluq tal-barijiet u l-każini xorta waħda jidher li s’issa għad m’hemm l-ebda trażżin konkret għall-pandemija f’pajjiżna b’żieda ta’ 662 każ fl-aħħar sitt ijiem, aktar minn 170 mis-sitt ijiem preċedenti.
//= $special ?>