Lokali

Il-Partit Laburista ma jridx lil Pullicino Orlando minflok Scicluna

Edward Scicluna rriżenja minn Membru Parlamentari l-Erbgħa filgħodu wara storja li kienet ippubblikata f’In-Nazzjon it-Tlieta fuq kif Edward Scicluna nħatar bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali iżda kien għadu ma rriżenjax minn Deputat fil-Parlament.

Iżda huma bosta sorsi li qed jindikaw li din ir-riżenja se tkun il-bidu ta’ inkwiet ġdid fil-Partit Laburist.  Inkwiet li qed jipprovaw iżommu taħt it-tapit, hekk kif s-sena d-dieħla taf iġġib magħha elezzjoni każwali fuq is-seba’ distrett, biex jimtela s-siġġu Parlamentari tal-eks Ministru Edward Scicluna.

Bħalissa huma ħafna l-indikazzjonijiet li hemm tliet kandidati prospettivi… wieħed minnhom hu Jeffrey Pullicino Orlando. Sorsi qrib ħafna taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jitkellmu ma’ In-Nazzjon u jgħidulna li huma ħafna dawk li ma jridux lil Jeffrey Pullicino Orlando, jkun fil-Parlament f’isem il-Partit Laburista.

Pullicino Orlando, fl-elezzjoni tal-2017 kien kiseb 1,040 vot. Jeffrey Pullicino Orlando qed ikun meqjus perikoluż għall-Gvern ta’ Robert Abela f’każ li jkun elett hu fil-Parlament flok Edward Scicluna.

Isem ieħor huwa l-eks Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi, li ma kienx tħalla jikkontesta l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-2019 f’isem il-Partit Laburista.

Fl-aħħar elezzjoni Ġenerali Charles Azzopardi ġab it-tieni l-ogħla ammont ta’ voti fl-ewwel għadd, wara dawk li diġà ġew eletti.

Is-sorsi tagħna spjegaw li għaddejja wkoll ħidma biex ma tkunx eskluża l-possibiltà li minflok issir elezzjoni każwali issir co-option. Fil-fatt manuvri ta’ dan it-tip fi ħdan il-Partit Laburista ilhom ghaddejjin ix-xhur, fejn diġà kien hemm żewġ okkażżjonijiet meta minflok elezzjoni każwali saret co-option – dan ġara biex jimtlew is-siġġijiet ta’ Joseph Muscat u Etienne Grech hekk kif intagħżlu Miriam Dalli u Clyde Caruana.