Lokali

Ministru qrib Abela ma jgħidx jekk jaqbilx jew le li jippubblika r-returns tal-VAT u tat-Taxxa

Il-Ministru Clayton Bartolo – magħruf kemm hu qrib ħafna tal-Prim Ministru Robert Abela – ma qalx jekk jaqbilx jew le li Abela jippubblika r-returns tiegħu tal-VAT u tat-Taxxa qabel ma daħal fil-Parlament fl-2017.

Matul il-ġlieda għal-Leadership Laburista, Bartolo għen ħafna lil Abela biex jirbaħ. U b’ringrazzjament għal din l-għajnuna il-Prim Ministru sablu postu fil-Kabinett, tant li issa tefgħu Ministru tat-Turiżmu minflok Julia Farrugia.

U issa, bil-Prim Ministru ffaċċjat bit-talba li jippubblika r-returns tiegħu tal-VAT u tat-Taxxa qabel l-2017, il-membri tal-Kabinett tiegħu huma skomdi jieħdu pożizzjoni ċara dwar dan.

Iżda għalkemm Clayton Bartolo qal li l-Prim Ministru diġà tkellem dwar dan, il-verità hi li Abela s’issa għadu ma weġibx mistoqsijiet mibgħuta minn NET News, fosthom dwar jekk hux se jkun qed jippubblika r-returns tiegħu.

Fl-istess waqt, l-istess Bartolo qal li lanqas biss għandu idea li l-kollega tiegħu fil-Kabinett – Rosianne Cutajar – allegatament ħadet madwar 50,000 ewro minn senserija. U dan minkejja li l-każ ilu jiġi rrappurtat bi prominenza għal diversi ġimgħat.

Dan minkejja li issa għaddiet kważi ġimgħa minn meta ħarġet l-istorja li l-Prim Ministru Robert Abela tkellem mal-Kummissarju tat-Taxxa Marvin Gearty dwar dettalji personali tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech … storja li Abela stess ammetta li kienet verità.

Madankollu, il-Prim Ministru għadu jaħrab milli jaċċetta li jippubblika r-returns tiegħu tal-VAT u t-Taxxa qabel ma kien elett bħala Membru Parlamentari fl-2017. Hu għadu jaħrab ukoll milli jwieġeb jekk hux se jippubblika ċ-chats li kellu mal-Kummissarju tat-Taxxa Interna.