Mill-anqas żewġ skejjel privati fil-Gżejjer Maltin avżaw lill-istudenti tagħhom biex jistudjaw mid-dar fl-ewwel jiem tat-tieni semestru akkademiku, wara l-btajjel tal-Milied.
Dan għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà, bl-għan li jiġi evitat it-tixrid tal-virus tal-Covid-19 wara l-jiem ta’ festi.
Fi skola minnhom, l-istudenti se jkunu qed isegwu lezzjonijiet online għall-ewwel ġimgħatejn, filwaqt li skola oħra se jkunu qed jagħmlu dan għall-ewwel ġimgħa biss tat-tieni terminu.
Il-ġenituri ġew infurmati li dawn l-iskejjel ingħataw parir biex jidħlu l-iskola b’kawtela u josservaw kull miżura ta’ mitigazzjoni ladarba l-esperti, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, qed jindikaw li hemm ċans qawwi li l-imxija tal-pandemija tkompli tippersisti wara l-vaganzi tal-Milied.
Dan kollu ġie kkonfermat ukoll mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Erbgħa waranofsinhar.
Hi appellat ukoll għar-responsabbiltà f’dawn il-jiem ta’ festi, kemm min-naħa tal-ġenituri, kif ukoll tal-edukaturi.
Filwaqt li jirrikonoxxu li din id-deċiżjoni taf tkun ta’ xkiel għall-ġenituri – kemm minħabba pjanijiet kif ukoll minħabba xogħol – l-amministrazzjonijiet tal-iskejjel saħqu li ppreferew jimxu bil-galbu u bi prekawzjoni.
//= $special ?>