Lokali

Responsabbilta’ fil-ħarsien tar-raba’

Ritratt: Martin Agius

Daqs seba’ grawnds tal-futbol f’raba’  se jintilef mill-inħawi ta’  bejn l-Imġarr u ż-Żebbiegħ. Filwaqt li kull żvilupp jista’ jkollu raġuni valida,  daqstant ieħor jeħtieġ li f’pajjiżna nibdew nagħmlu l-għażliet tagħna dwar jekk hux se nibqgħu naċċettaw aktar raġunijiet validi bl-iskuża tal-iżvilupp filwaqt li nitilfu aktar raba’.

Il-Partit Nazzjonalista jiġbed l-attenzjoni li r-raba’ li jintilef illum huwa  fost l-aħħar raba’ li baqa’ li jista’ jinħadem mill-bdiewa tagħna. Il-PN jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati li joħorġu gwida responsabbli aktar lejn il-ħarsien tar-raba’ f’pajjiżna.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattivi Edwin Vassallo saħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen li ma nistgħux nibqgħu nitilfu aktar raba’ f’mument fejn ukoll in-numru tal-bdiewa full time qed jonqos. Il-PN qed iżomm kuntatt ma’ dawk effetwati b’din it-talba ta’ żvilupp fl-inħawi msemmija u jibqa’ jitlob r-responsabbilta’ favur il-ħarsien tar-raba’.