Ungeriż, li ħarab minn terminu ta’ priġunerija lura f’art twelidu, għandu jintbagħat lura biex jiffaċċja l-ġustizzja wara li ta l-kunsens tiegħu għal talba ta’ estradizzjoni li saret mill-awtorijiet ta’ pajjiżu.
Karoly Laszlo Nagy, ta’ 60 sena li għandu permess ta’ residenza f’Malta u li kien jgħix il-Ħamrun, ressaq il-Qorti wara li ġie rintraċċat mill-Pulizija li kienet qed taġixxi fuq talba ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Qorti Reġjonali ta’ Budapest (ritratt) f’Settembru 2018.
Ir-raġel mfittex kien ħarab minn pajjiżu fejn kien instab ħati ta’ serq, u wettaq il-ħarba tiegħu hekk kif kien se jiskonta sentenza ta’ erba ’snin ħabs. It-taba kienet ġiet immarkata fuq is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’Ottubru 2018, wara t-talba għall-estradizzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji Ungeriżi.
It-talba intlaqgħet mill-Avukat Ġenerali nhar l-Erbgħa u r-raġel ġie arrestat u ttieħed il-Qorti l-Ħamis, u ta l-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, wara li kkonfermat l-identità tal-persuna mfittxija u fid-dawl tal-kunsens tagħha, poġġietu taħt kustodja, sakemm jiġi estradit.
L-Ispettur Mark Galea mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Joseph Bonnici deher għall-Ungeriż.
//= $special ?>