Futbol Sport

Bjorn Vassallo l-ewwel mistieden ta’ Replay fl-2021

Wara waqfa ta’ ġimgħatejn, il-programmi tal-Ħadd li tipproduċi l-aġenzija tal-aħbarijiet dwar il-futbol Malti Replay, iġifieri ‘Replay Live Score’ u ‘Replay’, se jkunu qed jirritornaw mill-ġdid minn din it-tmiem il-ġimgħa b’żewġ edizzjonijiet speċjali li ħadd m’għandu jitlef. Anke jekk fl-ewwel weekend tas-sena l-ġdida mhux se jkolna futbol milgħub mix-xena lokali, nhar il-Ħadd li ġej, 3 ta’ Jannar, iż-żewġ programmi tant popolari ta’ Replay, u li huma differenti minn xulxin fil-kontenut, se jkunu qed iwaslu xandira diretta u mill-aktar interessanti li tibda fis-6:45pm fuq Net Television, tieqaf għal Net News u terġa’ tissokta fid-8:45pm.

Fuq l-aġenda ta’ Replay, fl-ewwel ħadd tas-sena 2021, se jkun hemm il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, li mingħajr dubju kien wieħed mill-persuni sportivi l-aktar diskussi fuq livell amministrattiv matul l-2020; kemm minħabba l-kontroversji kollha li ħakmu l-futbol Malti sforz l-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll għaliex taħt il-Presidenza tiegħu, it-tim nazzjonali Malti kemm tal-irġiel, kif ukoll tan-nisa, fl-2020 kiseb l-aqwa riżultati fl-istorja. Matu is-sena li għadha kemm intemmet, it-tim nazzjonali tal-irġiel kien it-tielet l-aktar pajjiż fid-dinja li tejjeb il-posizzjoni tiegħu fir-rankings tal-FIFA b’tmiem posizzjonijiet meta mqabbel ma’ sena llu, biex b’hekk illum jinsab fil-176 post fid-dinja. It-tim nazzjonali tan-nisa kellu sena aqwa mit-tim tal-irġiel tant li tejjeb il-posizzjoni tiegħu fir-rankings tal-FIFA b’14-il post u llum jinsab fil-85 post fid-dinja. Vassallo se jkun il-mistieden ewlieni fil-programm ta’ diskussjoni Replay, li jixxandar fid-8:45pm, bi-presentazzjoni ta’ Christian Micallef u l-parteċipazzjoni tal-mistieden residenti ta’ Replay, Konrad Sultana.

F’Replay, Vassallo se jkun qed iwieġeb id-domandi diretti, u mingħajr kantunieri ta’ Micallef, dwar diversi temi ta’ diskussjoni u ta’ interess. Fl-istess programm, se tixxandar intervista esklussiva li saret din il-ġimgħa minn Micallef, mal-eks kowċ ta’ Floriana, Vincenzo Potenza wara li dan għadu kemm irreżenja mit-tmexxija teknika tat-tim champion ta’ Malta fl-2020.

F”Replay Live Score’ ta’ nhar il-Ħadd li ġej, li jixxandar fis-6:45pm fuq Net Television, se jixxandar servizz speċjali li jagħti gwida lejn dak kollu li seħħ fl-2020 fil-futbol lokali. Fl-istess programm tingħata ħarsa lejn ix-xena internazzjonali hekk kif matul din it-tmiem il-ġimgħa tkompla jintlagħab fost l-oħrajn, il-Premier League Ingliż.