S’issa fir-Renju Unit tlaqmu iktar minn miljun persuna minn mindu beda jingħata l-vaċċin tal-Coronavirus.
Is-Segretarju tas-Saħħa Brittaniku, Matt Hancock qal li dan il-pass qed jagħti tama għal jiem aħjar, filwaqt li qal li minn nhar it-Tnejn it-tilqim se jiżdied hekk kif il-vaċċin ta’ Oxford se jkun tqassam man-nazzjon kollu.
Minn naħa l-oħra, l-Uffiċjal Mediku Brittaniku, Chris Whitty jinsab imsaħħeb li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm nuqqas tal-vaċċin b’riżultat li dan id-dewmien se jikkawża problema fuq l-emerġenza fl-isptarijiet.
Dan hekk kif bħalissa 23 sptar diġa’ għandhom iktar minn terz tas-sodod okkupati minn pazjenti tal-COVID-19 li għandhom bżonn il-kura. Tant hu hekk li l-ħaddiema kollha jinsabu taħt pressjoni kbira hekk kif kull sular qed jinbidel fi swali tal-kura intensiva.
Fl-aħħar sigħat ir-Renju Unit irreġistra iktar minn 53,000 każ ġdid pożittiv filwaqt li li kien hemm iktar minn 600 fatalità.
U matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena, għadd ta’ persuni ġew immultati wara li njoraw it-talba li kulħadd jibqa’ d-dar u jaqbżu ċ-ċelebrazzjonijiet fil-massa. Uffiċjal tal-Pulizija qal li dawk li kisru l-liġi ħassew li ċ-ċelebrazzjonijiet huma iktar importanti milli jipproteġu lil qraba u ħbieb tagħhom.
Fi Franza, bosta residenti se jkollhom jidħlu lura f’djarhom sas-6 ta’ filgħaxija, sagħtejn qabel il-ħin li kien ordnat fl-aħħar ġimgħat. Dan hekk kif il-każijiet pożittivi iktar ma jmur iktar qed jitfgħu pressjoni fuq is-settur tas-saħħa.
Intant, mill-bidu tal-pandemija, daqs sena ilu, s’issa l-virus sewa l-ħajja ta’ kważi żewġ miljun madwar id-dinja kollha. Dan filwaqt li ġew irreġistrati iktar minn 83 miljun każ tal-COVID u fiequ iktar minn 52 miljun persuna.
//= $special ?>

